Il-Ħadd filgħodu l-Kunsill Lokali ta’ Bormla sellem lill-vittmi li mietu kawża ta’ splużjoni fuq il-vapur Um EL Faroud. L-isplużjoni saret meta, l-vapur kien qed isirlu manutenzjoni f’Baċir numru 3, f’Bormla.
Din it-traġedja ħasdet il-ħajja ta’ disa’ ħaddiema tat-tarzna u hija meqjusa bħala waħda mill-agħar diżastri f’Malta. It-3 ta’ Frar ta’ din is-sena, ifakkar it-30 sena anniversarju minn mindu saret din it-traġedja.
Fit-tifkira quddiem il-monument tal-Um EL Faroud f’Bormla, preżenti kien hemm il-membri tal-Kunsill Lokali, uffiċjali tal-General Workers Union, għaqdiet Bormliżi, kif ukoll il-qraba tal-vittmi.
Fid-diskors, is-Sindku Marco Agius, qal li hu xieraq li kull sena nagħtu tislima u nfakkru lill-vittmi, għaliex jgħaddi kemm jgħaddi żmien jibqa’ l-fatt li ħajjithom intilfet ħabta u sabta fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Is-Sindku ta’ Bormla qal li dan il-monument ġie mwaqqaf apposta biex nibqgħu niftakru f’dan l-avveniment u f’ħutna l-vittmi li mietu fit-tarzna f’Bormla.