“Riforma favur it-trasparenza, il-kontabbilità u s-serjetà tal-proċess.”
Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela rigward ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali li tħabbru d-dettalji dwarha din il-ġimgħa, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, biex tissaħħaħ il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt.
X’se nkunu qegħdin nagħmlu aħna? Indaħħlu t-trasparenza, inżidu l-kontabbilità. Se nżidu s-serjetà tal-proċess u żgur mhux se nċaħħdu ebda dritt. Anzi se nelevaw il-proċess għal quddiem imħallef fil-Qorti Kriminali u fejn jidħlu l-ispejjeż u l-ħlasijiet tal-esperti quddiem Prim Imħallef.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Spjega li l-ġustizzja mhux qegħda hemm għall-elitisti biex jużawha ħalli jżommu l-Pulizija bogħod minn biebhom, u jixħtuha nġustament wara bieb ħaddieħor.
Il-Prim Ministru għadda messaġġ ċar li b’din ir-riforma, li ġejja mis-sewwa, se tkun qed tara li ma tkisser u tweġġa’ l-ebda persuna innoċenti u ma jgħaddux mill-ebda inġustizzja legali.
Dr. Abela qal li r-riforma fl-inkjesti hija favur li l-vittmi ta’ reati u qrabathom ikollhom drittijiet ġodda li jkunu jafu x’qed jiġri dwar il-każ tagħhom.
B’dak li qed indaħħlu issa l-familjari tal-vittma, jew il-vittma nnifsu jkollu dritt bil-liġi għall-informazzjoni kull sitt xhur. Dritt ieħor li qed nagħtu lill-vittmi, li jkollok rapport tal-inkjesta li jingħata lilek mingħajr ħlas u għiduli intom allura x’oppożizzjoni din li toħroġ anka kontra ż-żieda fil-kontabbilità tal-proċess tal-inkjesti.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela spjega kif bir-riforma se jsiru salvagwardji biex min jigdeb fuq in-nies u n-negozji b’mod malinn irid iwieġeb hu, u jħallas hu.
“Il-gideb u l-kalunji tagħkom se jkomplu niqfulhom bis-saħħa u mhux se nħallikom tkissru lil ħadd aktar. Lil ħadd. U se niqfulkom għaliex għandna mis-sewwa u għax il-poplu tas-sewwa hekk irid.”
Il-Prim Ministru Robert Ablea