B’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali Maltin u Għawdxin, l-aġenzija Project Green, bdiet inizjattiva ġdida, fejn kull Kunsill huwa mistieden li jidentifika żoni fejn jista’ jsir tħawwil ta’ siġar u arbuxelli.
It-tħawwil jista’ jsir kemm f’toroq kif ukoll fi spazji miftuħa fil-lokalità, bl-ispejjeż kollha u l-manutenzjoni tas-siġar ikunu finanzjati minn Project Green.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri, qal li din il-kollaborazzjoni se tkompli ssebbaħ il-pajsaġġ Malti u fakkar kif l-aġenzija qiegħda taħdem fuq 120 proġett ġdid b’valur ta’ €350 miljun, b’19 minnhom se jibdew din is-sena filwaqt li l-proġetti l-oħra se jibdew fis-snin li ġejjin
Il-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex huma mitluba jissottomettu l-proposti tagħhom mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 21 ta’ Frar, 2025.