It-team tal-waterpolo ta’ Sliema kompla jikteb l-istorja hekk kif ikkwalifika għas-semifinali tal-LEN Challenger Cup.
Dan wara li fit-tieni leg tal-kwartifinali li ntlagħbet is-sibt filgħaxija fil-Pixxina tal-Kottonera, Sliema għelbu lil VK Ljubljana Slovan tas-Slovenja bl-iskor ta’ 13-2.
It-team slimiż beda din il-logħba b’vantaġġ ta’ seba’ goals, wara li fl-ewwel leg fis-Slovenja kien rebaħ bi skor ta’ 15-8. B’hekk Sliema għaddew għall-final four b’aggregate totali ta’ 28-10.
Sliema bdew tajjeb u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 2-0. Il-goals waslu minn Andreas Galea u Elijah Schembri.
It-team slimiż kien fi klassi għalih fit-tieni sessjoni hekk kif rebaħ bi skor kbir ta’ 5-1. Goals li waslu min dopjetta ta’ John Brownrigg flimkien ma’ goal kull wieħed ta’ Liam Galea, Dino Żammit u Sam Engerer.
Sliema rebħu wkoll it-tielet sessjoni din id-darba bi skor ta’ 2-1. Għal Sliema skurjaw il-plejers Sam Engerer u Liam Galea.
Id-dominanza slimiża kompliet fir-raba’ sessjoni hekk kif rebħu bl-iskor ta’ 4-0. Il-goals ta’ Sliema waslu minn dopjetta ta’ Dino Żammit u goal kull wieħed minn Liam Galea u Andreas Galea.
Is-semifinali issa jintlagħbu fuq żewġ legs fit-22 ta’ Frar u fit- 8 ta’ Marzu.