Żagħżugħa ta’ 22 sena qiegħda tinżamm arrestata wara argument li seħħ aktar kmieni illum f’Wied il-Għajn.
Kienu għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart ta’ filgħodu, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’appartament fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn.
Il-Pulizija marru fuq il-post u sabu lill-mara b’arma li taqta’ u bil-ponta. Hija mxiet lejn il-Pulizija bl-arma b’mod aggressiv, u għalhekk kienu kostretti jużaw it-taser gun. Fl-appartament instab raġel ferut.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kien waqt argument bejn ir-raġel, li għandu 23 sena, u l-mara ta’ 22 sena, li fih allegatament intużat arma li taqta’ u bil-ponta.
Tim mediku ta l-assistenza liż-żewġ persuni li ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura. Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u l-mara bi ġrieħi ħfief.
Il-mara mistennija titressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.