L-aspettattiva għal din il-partita kienet ilha tinbena jiem sħaħ u din ma ddiżappuntatx hekk kif f’partita ferm tattika, u quddiem possibilment l-akbar attendenza tal-istaġun u f’atmosfera elettrifikanti mill-bidu sat-tmiem, Hamrun Spartans u Birkirkara temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ mingħajr goals, b’dan ikun it-tieni draw konsekuttiv għall-Istripes wara dak miksub kontra Floriana fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Min-naħa l-oħra, dan kien it-tielet riżultat ta’ draw konsekuttiv għal Birkirkara.
Għal Hamrun iddebutta il-player mill-Bolivja li tant hemm stennija dwaru Cesar Menacho fejn daħal jilgħab fit-tieni taqsima eżattament fis-76 minuta fejn ħa post Kairou Abdoul Amoustapha.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Alessandro Coppola, in-Niġerjan Abdoul Amoustapha kellu l-konklużjoni tiegħu tistampa mal-wieqfa, bl-Istripes jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-23 minuta, Joseph Essien Mbong xeħet cross għan-nofs iżda pront kien Kemar Reid li ddevja l-ballun f’corner.
L-istess Kemar Reid seta’ kien il-protagonista għal Birkirkara ħames minuti wara meta kellu f’saqajh il-ballun tal-vantaġġ iżda wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper internazzjonali ta’ Hamrun, Henry Bonello, ra lil dan tal-aħħar isalva f’corner bi bravura.
Huma komplew fuq l-offensiva u fid-39 minuta freekick mhux daqstant b’saħħtu ta’ Maxuell Maia ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Bonello.
Hamrun reġgħu ħolqu l-periklu mill-azzjoni li segwiet ftit sekondi biss wara meta Raphael Lopes Silva kellu xutt minn pożizzjoni ideali li ftit li xejn impenja lill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara Giacomo Volpe, li salva tajjeb biex l-ewwel taqsima intemmet 0 – 0.
Fl-64 minuta cross minn corner ta’ Ryan Camenzuli għal Hamrun ma sab lil ħadd minn sħabu biex jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Fil-75 minuta Kairou Amoustapha Abdoul għall-Ispartans għamel kollox tajjeb hekk kif qabeż tajjeb difensur avversarju ħlief ix-xutt hekk kif minn pożizzjoni ideali għamel l-impossubli u spara għoli, biex bħalma għamel fil-bidu tal-partita reġa’ tilef ċans tad-deheb ta’ skor.
Huma komplew jippressaw u fil-81 minuta reġgħu resqu viċin li jiftħu l-iskor meta l-Montenegrin Jovan Cadenovic kellu x-xutt tiegħu minn qagħda ideali salvat minn Volpe mgħejjun mill-mimduda.
Iżda kienu Birkirkara li kellhom f’saqajhom il-goal ter-rebħa fil-ħin miżjud meta s-sostutut Paul Mbong kellu x-xutt fil-baxx tiegħu devjat f’corner minn Bonello.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Slobodan Petrovic
Plejer tal-Logħba: Sven Xerri (Hamrun Spartans FC)