Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, indirizza l-Konferenza Kulturali: Kooperazzjoni għar-Reżiljenza, li saret fl-Ukrajna.
Din kienet it-tieni żjara tal-Ministru Bonnici fl-Ukrajna mindu bdiet il-gwerra. Il-konferenza kellha fuq l-aġenda tagħha t-tema “Il-Kultura bħala Komponent tas-Sigurtà Nazzjonali: Passi Konġunti għall-Ħarsien u l-Konservazzjoni tal-Wirt Kulturali fl-Ukrajna”, u laqqgħet Ministri tal-Kultura u l-Arti minn diversi pajjiżi Ewropej.
Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza, Il-Ministru Bonnici saħaq fuq l-irwol ewlieni tal-kultura fil-bini tar-reżiljenza, fil-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali u fil-koeżjoni soċjali – mhux biss fl-Ukrajna, iżda madwar l-Ewropa kollha.
“Ir-reżiljenza tal-poplu qalbieni tal-Ukrajna u s-saħħa tal-identità kulturali tal-pajjiż huma pilastri fundamentali kemm għall-istabbiltà nazzjonali kif ukoll dik reġjonali. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fl-2022, il-poplu b’saħħtu tal-Ukrajna baqa’ wieqaf, aktar b’saħħtu minn qatt qabel, biex jiddefendi lil dawk li jħobb, lil pajjiżu u l-identità kulturali tiegħu,”
Il-Ministru Owen Bonnici
Huwa spjega kif, minkejja l-isfidi kontinwi, il-kultura tibqa’ forza qawwija li tgħaqqad lin-nies, issaħħaħ il-valuri tal-komunità u tagħti s-setgħa lill-individwi biex iżommu sens ta’ identità u appartenenza.
Il-Ministru Bonnici sostna li bħalissa hemm diversi sfidi tal-identità kulturali tal-Ukrajna, permezz tal-qerda fiżika ta’ monumenti kulturali, is-soppressjoni ta’ tradizzjonijiet, u forom oħra ta’ attakki kulturali u b’hekk hija sfida li teħtieġ l-attenzjoni kollettiva tagħna.
Huwa enfasizza li din mhix biss kwistjoni għall-Ukrajna, iżda għall-komunità globali demokratika li temmen fil-ħelsien u d-drittijiet fundamentali.
Fl-indirizz tiegħu, Il-Ministru Owen Bonnici tenna li Malta temmen fit-tisħiħ ta’ sħubiji li jagħtu prijorità lill-kultura għaliex permezz tagħhom, mhux biss nagħtu s-sostenn lill-Ukrajna, iżda nikkontribwixxu għal Ewropa aktar b’saħħitha u magħquda.