Ftit jaħsbu jew jagħtu kas b’dak li hemm mistur taħt it-toroq u pjazez tagħna, speċjalment meta wieħed jitkellem fuq l-ibliet u irħula antiki, liema ssawwru tul is-snin u anke kien hemm żmien fejn dawn sfortunatament intilfu jew ġarrbu ħsarat u ma reġgħux ġew utilizzati kif sippost.
Żorna l-belt tal-Birgu, fejn rajna dak li l-Alter Aqua Cottonera Reservoir Trail, esperjenza immersiva li tieħdok fuq vjaġġ affaxxinanti tul il-wirt tal-ilma moħbi tal-Kottonera, qed toffri lil dawk kurjużi li jiskopruha.
Dan il-proġett, jikkonsisti f’applikazzjoni u mappa interattiva li kif tinnaviga magħha tul it-toroq tal-Birgu, tinkixef l-istorja rikka u l-inġinerija innovattiva wara dawn il-ġibjuni, li ħafna minnhom imorru lura għaż-żmien tal-Ordni ta’ San Ġwann u l-perjodu Brittaniku u sawru l-istorja tal-Kottonera.
Dawn il-ġibjuni ma kinux biss kruċjali għall-ħżin tal-ilma u għall-kontroll tal-għargħar, iżda kellhom ukoll rwol vitali fis-sostenn tal-popolazzjoni lokali u tal-attivitajiet marittimi.
Tkellimna ma’ Aaron Cutajar mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, fejn qalilna fuq dan il-proġett u l-ġibjuni li hemm aċċessibli permezz ta’ din l-app.
“Dan il-proġett, li huwa l-AlterAqua, li sar mill-Energy & Water Agency, flimkien mall-Global Water Partnership, għamilna dan il-proġett u ħloqna track fejn in-nies jistgħu jidħlu u jaraw din it-track bl-app, u jistgħu jaraw il-ġibjuni li hawn ovjament taħt l-art ġewwa l-Birgu. Dawn il-ġibjuni ma tistax tarahom b’għajnejk għaliex huma magħluqin, pero’ b’din l-app in-nies jistgħu jaraw dawn il-ġibjuni u anke ritratti ta’ dawn l-istess ġibjuni.“
Aaron Cutajar, Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma
Cutajar spjegalna kif taħdem din l-app tal-proġett tal-AlterAqua.
“Hemm ħafna nformazzjoni fuq din l-app, u nħeġġeġ lil pubbliku biex jidħlu u jiġu jiġu hawnhekk. Din it-trail tieħu madwar 40 minuta sa siegħa bil-mixi, u n-nies ikunu jistgħu igawdu u jieħdu l-informazzjoni permezz ta’ din l-app li aħna qiegħdin nipprovdu.”
Aaron Cutajar, Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma