Madwar pajjiżna hawn 35 ċentru tal-Anzjanità Attiva fejn aktar minn 2,500 anzjan jattendu b’mod regolari fihom. Bi ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien u fil-preżenza tas-Sindku Joseph Abela Galea, issa nfetaħ Ċentru tal-Anzjanità Attiva ġdid li se jkun qed jopera mis-sala f’Dar Nazareth fejn fih l-anzjani jistgħu jiltaqgħu, ikollhom sessjonijiet edukattivi u soċjali, u jibqgħu attivi fil-komunità tagħhom stess.
Iċ-ċentru għandu l-għan li jmexxi ‘l quddiem t-tagħlim tul il-ħajja, jagħti għarfien dwar is-saħħa fiżika u mentali, u jsaħħaħ l-interazzjoni soċjali fost l-anzjani ta’ Ħal Tarxien ħalli jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, saħaq li ċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva huma pilastru importanti biex l-anzjani jibqgħu attivi u indipendenti fil-komunitajiet tagħhom. Huwa enfasizza l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fl-anzjani ħalli jkollhom aktar opportunitajiet biex jipparteċipaw f’attivitajiet edukattivi u soċjali li jgħinuhom ikollhom aktar ħajja attiva.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva favur l-anzjani. Hija saħqet fuq l-importanza li l-anzjani jibqgħu attivi fil-komunità, jieħdu ħsieb saħħithom u jiltaqgħu flimkien.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, spjega li ċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva joffru mhux biss post fejn l-anzjani jiltaqgħu iżda wkoll programm mifrux ta’ attivitajiet li jħeġġu l-involviment soċjali u jagħtu l-opportunità lill-anzjani jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ oħrajn.
“Dawn iċ-ċentri huma importanti ħafna biex inkomplu ngħinu lill-anzjani, jagħmlu ħbiberiji ġodda, jibqgħu attivi fis-soċjetà u jagħmlu l-passatempi u l-attivitajiet li jixtiequ jagħmlu, f’atmosfera sabiħa fejn ikunu jistgħu jaqsmu l-ideat u l-ħbiberiji tagħhom ma’ nies oħrajn fil-komunitajiet.”