Marsaxlokk kisbu t-tielet rebħa konsekutiva meta għelbu lil Balzan bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0 biex komplew ikabbru l-problemi għal dawn tal-aħħar.
Kienu Balzan li ħolqu l-ewwel periklu fis-seba’ minuta meta Triston Caruana kellu xutt mid-distanza li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Xlukkajr Matthew Calleja Cremona li salva tajjeb. Maraxlokk wieġbu erba’ minuti wara meta Jose Ulises Arias avvanza fil-kaxxa iżda kellu x-xutt tiegħu jintemm barra. Huma komplew fuq l-offensiva u żewġ minuti biss wara rebħu penalty meta Alex De Aguilar Gomes twaqqa’ fil-kaxxa minn difenusr avversarju. Mill-11-il metru inkariga ruħu YURI DE JESUS MESSIAS li ma żbaljax.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Marsaxlokk u fis-36 minuta Jose Ulises Arias daħal tajjeb fil-kaxxa, qabeż difensur ta’ Balzan u kellu x-xutt tiegħu jiġi devjat f’corner mill-goalkeeper ta’ Balzan, Danilo Golovic.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marsaxlokk komplew fejn ħallew fi tmiem l-ewwel waħda u fis-47 minuta Soares dendel ballun fil-kaxxa iżda pront kien id-difensur ta’ Balzan Kerkez li kklerja kull periklu. Żewġ minuti biss wara kien imiss lil Balzan li jirbħu penalty wara azzjoni irregolari ta’ Gomes fil-kaxxa, iżda l-goalkeeper Calleja Cremona kien bravu u salva tajjeb ix-xutt ta’ Alexander Ayo Akpan. Marsaxlokk wieġbu fil-51 minuta meta xutt sabiħ ta’ Soares ġie devjat tajjeb minn Golovic.
Fit-68 minuta Marsaxlokk irduppjaw l-iskor meta ALEX DA AGUILAR GOMES bir-ras tefa’ ġewwa biex kompla jinkuruna xahar ta’ Jannar mill-aqwa għalih personali. Balzan irrispondew fit-72 minuta meta Jan Jan Busuttil ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza iżda sab lil Calleja Cremona attent.
Fl-74 minuta Marsaxlokk issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta YURI DE JESUS MESSIAS temm azzjoni personali u tefa’ ġewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali fil-partita.
Fit-88 minuta Marsaxlokk naqsu milli jagħmluhom erbgħa mera Kukhianidze tefa’ barra wara li Golovic naqas milli jikkontrolla l-ballun.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Yuri De Jesus Messias (Marsaxlokk FC)