“Il-Viżjoni Malta 2050 mhiex biss pjan imma wegħda li nemmen għandna nagħmlu magħna nfusna bħala poplu Malti u Għawdxi.”
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela, meta indirizza l-għeluq tal-konferenza ‘Envision 2050’, li qed tħejji l-Viżjoni Malta 2050.
Dr Abela sostna li Malta reżiljenti hija Malta li tista’ tegħleb l-inċertezzi globali filwaqt li tkompli tirnexxi mingħajr ħadd ma jaqa’ lura.
Intqal li din il-viżjoni mhux se tkun dokument statiku imma qafas ħaj, adattabbli għall-ħtigijiet dejjem jinbidlu tas-soċjetà u l-ekonomija tagħna.
Huwa tenna li biex pajjiżna jkompli jagħmel suċċess irridu l-isforzi ta’ kulħadd fosthom il-komunità tan-negozji li jesprimu fiduċja f’pajjiżna. Meta indirizza l-imprendituri preżenti, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern jemmen fir-rwol importanti tal-imprenditur Malti bħala innovatur, li joħloq ix-xogħol u karrieri ta’ kwalità u katalisti tas-suċċess ekonomiku.
F’din il-konferenza għadda messaġġ b’mod virtwali l-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ġustizzja bejn il-Ġenerazzjonijiet Glenn Micallef. Huwa awgura lill-pajjiżna hekk kif Malta qed tħares ‘il quddiem, waqt li tipprepara lilha nnifisha.
Din il-konferenza kienet mifruxa fuq tlett ijiem fejn inqasmet u ddiskutiet erba’ temi differenti, f’workshops differenti. Dawn jinkludu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-kwalità tal-ħajja, it-titjib tar-reżiljenza ta’ pajjiżna u l-użu intelliġenti tal-art.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.
Il-pass li jmiss fil-fażi ta’ konsultazzjoni huwa li fl-abbozzar ta’ Malta Viżjoni 2050, b’miri intermedjarji għal għaxar snin oħra, jittieħdu suġġerimenti li ħarġu minn dawn il-workshops. Din il-konvenzjoni kienet biss waħda minn serje ta’ metodi ta’ konsultazzjoni li għaddejjin bħalissa fit-tfassil ta’ Malta Viżjoni 2050.
Dawn jinkludu intervisti dettaljati u sondaġġi mal-pubbliku u konsultazzjonijiet ma’ msieħba soċjali.
Wara t-tnedija tal-pilastri tal-viżjoni, il-konsultazzjoni titkompla bil-għan li kulħadd ikun parteċipi f’dan il-pjan ħolistiku li se jwettaq il-Gvern għal pajjiżna.