Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, fi stqarrija b’referenza għal rapport mill-uffiċċju tal-Ombudsman dwar investigazzjoni fil-ħabs, li tmur lura b’erba’ snin ilu, tenna li minn dakinhar diġà laħqu ttieħdu diversi azzjonijiet u bidliet, inkluż uħud li jissemmew.
Waqt li għamilha ċara li kull rapport xorta jiġi evalwat bis-serjetà u b’rispett lejn l-istess Ombudsman, il-Ministeru qal li l-bidliet setgħu wkoll isiru, għax fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienet miġġielda l-pjaga tad-droga, kif jirrikonoxxi r-rapport innifsu, hekk kif l-ebda riabilitazzjoni ma setgħet issir f’ħabs li jkun mimli droga.
L-istqarrija tal-Ministeru elenkat uħud mill-inizjattivi li saru fl-aħħar snin fil-ħabs, bħat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Priġunieri; l-introduzzjoni ta’ care plan għal kull priġunier; tliet half-way houses ġodda, inkluża waħda għan-nisa; diviżjoni tan-nisa biex ikun hemm post għall-omm u t-tarbija; 40 Standard Operating Procedure fl-operat ta’ kuljum; staff tal-professjonisti, bħal psikologi, psikjatri u social workers, li llum ilaħħaq 87, flimkien ma’ erba’ tobba u 11-il infermier f’kull xift; l-ingaġġ ta’ uffiċjal edukattiv; infetaħ post barra l-ħabs biex priġunieri jiltaqgħu ma’ wliedhom f’ambjent differenti; u ngħataw aktar opportunitajiet ta’ xogħol u korsijiet, fost l-oħrajn.
Dan ma jfissirx li mhemmx aktar ħidma x’issir, bil-Ministeru jgħid li se jkompli jirriforma, fosthom il-bżonn ta’ tiġdid fil-liġi tal-parole u l-introduzzjoni tal-electronic monitoring, li bħalissa qiegħda fi stadju Parlamentari.