Sitwazzjoni surreali dalgħodu fl-Awla 22 tal-Qorti meta t-tentattivi kollha li saru biex isir kuntatt mal-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet, Jeremy Harbinson, bil-għan li jixhed virtwalment, fallew.
Dan wara li kien l-istess Harbinson li talab biex dalgħodu jixhed virtwalment, flok jiġi Malta, talba li ntlaqgħet mill-Qorti. Madankollu, minkejja t-tentattivi kollha, li involvew nies differenti u ħin konsiderevoli, Harbinson baqa’ ma tfaċċax.
L-Imħallef Edwina Grima, li kienet qed tippresiedi l-proċeduri, iddeplorat l-aġir, bl-avukati difensuri jistaqsu jekk l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew il-Pulizija kellhomx mod kif isir kuntatt ma’ Harbinson.L-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, iżda, wieġeb li huma qatt ma tkellmu mal-esperti, b’indikazzjoni li kollox f’idejn il-Maġistrat Gabriella Vella, li mexxiet l-inkjesta.
Hawn kien issuġġeriet li Sam Sittlington, espert ieħor Irlandiż, li kien qed jistenna biex jixhed ukoll virtwalment, jagħmel kuntatt hu ma’ Harbinson, iżda baqa’ ma ġara xejn xorta waħda.Il-kumpanija ta’ Harbinson tħallset €11-il miljun għar-rapport tal-inkjesta li damet għaddejja ħames snin u ġiet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ghadda. Wara li tħallas, Harbinson xolja l-kumpanija.
Fil-bidu tas-seduta l-Ġimgħa filgħodu, l-Avukat Edward Gatt saħaq li, f’każ daqstant sensittiv, l-esperti għandhom ikunu fiżikament fl-awla kif jagħmel kulħadd.L-Avukat Stephen Tonna Lowell qal li Harbinson qed jgħid li għandu problemi personali meta kien hu li ħoloq problemi personali lil ħafna nies u issa ma jridx jiġi jixhed.
Avukat ieħor difensur, Dr Vincent Galea, irrimarka li l-esperti talbu li jitħallsu anke meta kienu jkunu fuq l-ajruplan jivvjaġġaw, iżda issa ma jridux jersqu lejn Malta biex jixhdu.Dr Giannella DeMarco qalet li, kieku hi kienet waħda mill-esperti, kienet tieħu gost meta tintalab mill-Qorti biex tispjega xogħolha u mhux taħrab kif qed jagħmlu issa l-esperti.
Sadanittant l-Imħallef Edwina Grima qalet li d-deċiżjoni li l-esperti jixhdu virtwalment, bl-ebda mod ma tfisser li qed iċċaħħad lill-akkużati mid-dritt tagħhom li jikkontestaw l-ammissibilità u l-kompetenza tal-esperti barranin fil-forum kompetenti.
Qabel sar it-tentattiv biex Harbinson ikun jista’ jixhed virtwalment, tela’ jaghti x-xhieda tiegħu s-Supretendent Hubert Cini fejn, għal mistoqsijiet ta’ De Marco dwar jekk l-akkużati qattx ġew investigati dwar x’daħal fil-kontijiet bankarji tagħhom, tenna li huma ħarġu l-akkużi fuq il-bażi ta’ dak li kien hemm fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella u ma saru l-ebda verifiki ulterjuri.U dan għax il-Pulizija fl-ebda ħin ma kellha aċċess għal x’kien qed jiġri fl-inkjesta.
Il-każ ikompli.