Ħames snin ilu bħal-lum, ir-Renju Unit kien ħareġ minn membru tal-Unjoni Ewropea wara li, tliet snin u nofs qabel, maġġoranza tal-poplu vvotat favur din id-deċiżjoni drastika.
Fil-31 ta’ Jannar tal-2020, ir-Renju Unit temm din ir-rabta wara 47 sena, għalkemm baqa’ fil-ftehim tas-suq waħdieni Ewropew għal 11-il xahar oħra sakemm saret it-transizzjoni kummerċjali.
Kemm qabel dik id-data storika kif ukoll fl-aħħar snin, il-kwistjoni tal-Brexit baqgħet toħloq firda kbira fil-pajjiż, kemm politikament kif ukoll soċjalment, waqt li ddominat id-dibattitu dwar l-impatti li din ħalliet fuq il-poplu.
Diversi fatturi tal-kummerċ ġew affettwati l-aktar, b’ekonomisti u analisti jisħqu li d-deċiżjoni ħalliet konsegwenzi serji negattivi.
Studji riċenti jissuġġerixxu li l-esportazzjoni esperjenzat tnaqqis saħansitra ta’ 30% minn dakinhar ’l hawn.
L-immigrazzjoni kienet waħda mit-temi ewlenin fil-kampanja tar-referendum fis-sajf tal-2016, biex illum kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ viża tax-xogħol biex isib impjieg fir-Renju Unit, bħal pajjiżi terzi, xi ħaġa li wkoll kompliet iżżid il-problemi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema, anke f’setturi kruċjali.