Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet iebsa fil-konfront tal-Italja hekk kif iddeċidiet li kien inkiser id-dritt għall-ħajja ta’ 2.9 miljun ċittadin li jgħixu f’żona fil-madwar ta’ Napli li hi mniġġsa minn skart tossiku.
Iż-żona hija magħrufa bħala ‘Terra dei Fuochi’, minħabba l-ħruq tal-iskart u materjal tossiku li ilu jsir hemm għal għexieren ta’ snin. L-awtoritajiet isostnu li wara dan kollu hemm il-mafja Taljana magħrufa bħala l-’Camorra’.
Il-pulizija għandha informazzjoni dwar kif il-Camorra hija involuta hekk kif ġew anke diretti lejn żoni speċifiċi fejn kien qed jiġi mormi l-iskart tossiku minn persuni midħla ta’ l-organizzazzjoni.
Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tat ċans sentejn sabiex il-Gvern Taljan jindirizza u jagħmel monitoraġġ tal-kontaminazzjoni u l-problemi ta’ saħħa li qed ikunu kkawżati.
Fil-ġudizzju li ingħata mill-Qorti ta’ Strasbourg kien ikkonfermat li ġew irrekordjati rati għolja ta’ mard tal-kanċer u tniġġis fl-ilma f’90 muniċipalità. Il-Qorti sabet ukoll li l-awtoritajiet Taljani ilhom jafu b’din il-problema mill-1988 iżda naqsu milli jindirizzawha u ma għamlu xejn sabiex jipproteġu l-ħajja tar-residenti.
Matul is-snin, il-pulizija ssekkwestraw għexieren ta’ għelieqi għaliex il-bjar tat-tisqija tagħhom kien fihom livelli għolja ta’ ċomb, arseniku u solventi industrijali. L-awtoritajiet isostnu li l-kontaminazzjoni hija dovuta għall-operazzjoni multi biljunarja tal-Camorra li jarmu l-iskart tossiku ġġenerat primarjament minn industriji fil-parti sinjura tat-Tramuntana tal-Italja li ma jistaqsux fejn qed jintrema dan l-iskart l-aqwa li ma jibqax għandhom u jħallsu biss parti żgħira minn dak li kieku jħallsu jekk jiddisponu minnu legalment.
Il-każ kien imressaq quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn 41 persuna li jgħixu Caserta jew fil-Provinċji ta’ Napli kif ukoll ħames organizzazzjonijiet lokali.