Twettqet miżura oħra tal-Baġit 2025, hekk kif il-Ġimgħa filgħodu l-Gvern ħabbar il-Programm ta’ Infrastruttura Edukattiva għat-13-il sena li ġejjin.
Għall-ewwel sena biss, l-investiment, li jimxi id f’id mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni sal-2030, se jlaħħaq is-€7 miljun.
Ix-xogħlijiet f’97 skola tal-istat se jkunu jinkludu tisbiħ tal-ispazji miftuħa, ir-riġenerazzjoni estensiva fuq barra u ġewwa u manutenzjoni sħiħa favur l-edukazzjoni tal-istudenti u postijiet aħjar għall-edukaturi.
Dan il-programm tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, u s-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru, Matthew Vella, fil-preżenza tal-ħaddiema kollha tal-id li jwettqu u se jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.
L-ewwel sena se tara x-xogħlijiet fl-iskejjel Primarji ta’ Birkirkara, Tas-Sliema, San Ġwann, il-Gżira u tax-Xgħajra, is-Sekondarja tal-Imrieħel, l-Iskola Vincenzo Bugeja u l-ALP.
Il-Ministru Grima qal kif dan ix-xogħol mhux sempliċiment ftit żebgħa mal-ħitan jew tiswija sempliċi, iżda riġenerazzjoni sħiħa taż-żoni indikati.
“Ambjent aħjar li jħares lejn diversi aspetti fosthom l-aspett ta’ rikreazzjoni, l-aspett sportiv u allura faċilitajiet sportivi fl-iskejjel, l-aspett tat-teknoloġija u anke informatika kif ukoll diversi aspetti oħrajn li jagħtu ħarsa lejn dik li hi l-estetika fl-iskejjel tagħna, imma anke dik li hi infrastruttura, l-ambjent u anke l-importanza tiegħu.”
Il-Ministru Clifton Grima
Mal-programm infrastrutturali, id-Direttorat tal-Loġistika u Infrastruttura se jwettaq ukoll proġetti minuri, li jinkludu l-aċċessibilità fl-iskejjel, rinnovazzjoni ta’ żoni tar-reception area fl-iskejjel, dividing walls, flimkien ma’ xogħol ieħor.
Dawn ix-xogħlijiet jikkumplimentaw oħrajn li jsiru, fosthom mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.