Approvazzjoni tat-Tieni Qari tal-Liġi fil-Parlament
Din il-ġimgħa ġie approvat mill-Parlament it-tieni qari tal-liġi dwar l-electronic tagging, bħala parti minn riformi lejn sistemi legali korrettivi aktar moderni.
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, kien ċar meta qal li s-sistema ġdida se tidħol b’mod gradwali u f’ċirkostanzi speċifiċi ħafna. Dan il-monitoraġġ elettroniku se jitħaddem f’sentenzi tal-Qorti f’każi minuri, fuq ordni tad-direttur tal-ħabs (pereżempju biex priġunier imur jaħdem), u fuq ordni mill-bord tal-parole.
Fuq dan is-suġġett tkellimna mal-Professur kriminologu, Saviour Formosa.
Kemm taħseb li l-electronic tagging huwa effettiv fiż-żamma tas-sigurtà pubblika filwaqt li jippermetti lil dawk li jwettqu reati jerġgħu jintegraw fis-soċjetà?
L-electronic tagging hija ħolqa waħda minn ħafna li wettaqna f’dawn l-aħħar snin sabiex nagħtu lura lis-soċjetà forom ġodda u moderni li żiedu dejjem iż-żamma tas-sigurtà.
Hija s-soluzzjoni waħdanija? Le, hija miżura effettiva ħafna, imma dejjem nistgħu ntejbu l-eżitu u l-bidla fil-mod kif inħarsu lejn min offenda fis-soċjetà. Soċjetà li lesta tippermetti lil min żbalja fuq reati partikolari jingħata ċans li minflok jidħol il-ħabs ikompli b’ħajtu, imma b’piż li jeħtieġ deċiżjoni kull sekonda, biex ma jiksirx il-kundizzjonijiet tas-sentenza jew ordni.
Tkellimna ma’ priġunieri fil-ħabs miftuħ bil-bibien litteralment aperti għall-Ġermanja. Wieħed qalilna li l-aktar ħaġa iebsa hi li jikkonforma mar-regoli li aħna ngħixu bihom, imma min hu tagged irid kull sekonda jżommhom f’moħħu għax hemm il-mannara tal-ħabs, din id-darba, b’deċiżjoni tiegħu jew tagħha. Il-bieb miftuħ, imma l-libertà għandha prezz, u l-prezz jaf jiswa qares. Kull sekonda, it-tag qiegħda għassa bla heda.
Biex wasalna s’hawn kellna nbiddlu ħafna proċessi u entitajiet. Insemmi biss ftit elementi li wasslu għall-electronic monitoring: il-Malta Police Transformation Strategy, il-varar ta’ Victims Support Agency, il-passi tal-miżura li għad tara riforma tal-Probation and Parole Services, il-proġetti SIntegraM u oħrajn relatati ma’ sistemi ta’ monitoraġġ u teknoloġiji avvanzati.
Rigward l-integrazzjoni fis-soċjetà, din tiddependi minn ħafna affarijiet: il-grinta li xi ħadd jirriforma, li jfittex medjazzjoni anke mal-vittma, u li jifhem in-normi u obbligazzjonijiet tas-soċjetà li jgħix fiha.
Min jaħseb li xi ħadd jirriforma għax jingħata ftit opportunitajiet li jkun ruħ twajba, qed jiżbalja. Kull meta pogġejna l-offender fuq pedestall għoli, bħallikieku huwa l-vittma ta’ soċjetà krudili, jumilja li dawk kollha li huma l-vera vittmi.
Aħna ħdimna b’filosofija li tpoġġi lill-vittma u lis-soċjetà fiċ-ċentru, b’mezzi tat-tisħiħ tal-entitajiet li joffru wens, u fuq kollox sigurtà, inklużi l-Pulizija, aġenziji speċjalizzati u l-aktar kruċjali, teknoloġiji avvanzati li ma jħallu lil ħadd aktar jgħid li ser jirriforma, u fil-ħin stess li jinħeles ikompli bir-rutina ta’ predazzjoni u kriminalità.
Issa jingħata ċ-ċans li minflok jiġi ssentenzjat b’ħabs, ikollu ċinga b’teknoloġija avvanzata li żżommu fuq allert kull sekonda li qiegħed barra. Krudili? Insensittiva? Le, hija l-uniku ostaklu kontra li jivvittimizza lil xi ħaddieħor, filwaqt li kull sekonda tagħmilha tgħodd lejn riforma personali.
Mhix faċli li ġġorrha, mhix faċli li ma tiftakarx li kull mument għandek ‘mazzra’ ma’ saqajk, imma hija opportunità li timxi ’l quddiem filwaqt li tapprezza aktar is-soċjetà u l-libertà.
Temmen li t-tagging jista’ jservi bħala deterrent suffiċjenti?
Iva, minflok kastig ġo kamra jew bini speċjalizzat magħruf bħala ħabs, il-fatt li qiegħed barra, tkompli ħajtek, qiegħed ‘liberu.’ B’differenza minn qabel, fejn kull ħelsien ma setax jiġi msegwi, issa kull pass huwa magħruf, imma kull pass huwa pass ’il quddiem għal riforma personali. Dan iż-żmien jista’ jintuża għar-riparazzjoni u medjazzjoni permezz ta’ entitajiet bħall-probation u parole. Iċ-ċappetta elettronika ssegwik u tarak, u meta jcemplulek tisma’ wkoll. Hija kemm deterrent u opportunità ta’ riforma personali.
Liema salvagwardji għandhom ikunu fis-seħħ biex jiġi żgurat l-użu etiku tat-tagging, partikolarment fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi u l-prevenzjoni tal-użu ħażin?
Il-liġijiet huma robusti immens. Barra dawk li jirregolaw l-imġiba tal-entitajiet li ser jimmonitorjaw u jsegwu l-persuni bit-tag, hemm liġijiet speċjalizzati, bħall-GDPR u l-AI Act, li jissalvagwardjaw lil persuni minn abbuż fuq użu tal-informazzjoni, jew użu ħażin ta’ intelliġenza artifiċjali. Niftakru li meta kien ġie varat id-dokument fuq l-użu tal-AI, kien ġie stabbilit kumitat ta’ esperti fl-etika u t-teknoloġija għall-operat informatiku ta’ kull entità governattiva u oltre.
Importanti li l-vittma ma ssirx vittma doppja. L-apparat li ser ikollha – li mhux tag marbut mas-saqajn bħal tal-persuna li tingħata ordni li jkollha wieħed ma’ saqajha – m’għandux iservi ta’ pressjoni doppja u jbeżża’ lill-vittma li l-passi tagħha qed jiġu segwiti. Is-sistema ttella’ allert meta l-aggressur ikun riesaq fil-qrib. F’dan il-każ, it-tnejn jiġu kkuntattjati u anke l-forzi tal-ordni jittelqu fil-post.
Importanti però, li għalkemm il-ġarr ta’ apparat mill-vittma huwa volontarju, l-għażla li trid tagħmel il-vittma hija diffiċli immens għax taf tfisser ħajja u mewt. Mingħajr li l-vittma jkollha teknoloġija fuqha, ħadd ma jista’ jkun jaf jekk l-aggressur hux qed joqrob.
L-esperjenza qarsa teħodna l-Portugall fejn vittma ħallietha d-dar u marret tiltaqa’ mal-aggressur. Deċiżjoni li ħallietha mejta fi żmien qasir.
Fl-opinjoni tiegħek, it-tagging jindirizza l-kawżi fundamentali tal-imġiba kriminali, jew huwa aktar soluzzjoni temporanja?
Hija biss parti żgħira, imma la taf li qed tiġi elettronikament imsegwi, kif tipprova xxellef difrejk, il-forzi kollha ser jinżlu fuqek.
Apparti ħabs sigur, tkun ikkommettejt reat ieħor bil-ksur tal-kundizzjonijiet li ngħatawlek. Tkun ġifa li tissogra taħseb li tista’ tgħaddiha lixxa. La jitla’ allert, ser tittieħed ġewwa, din id-darba b’rikordju msejjes għas-sistema, li ma titħassarx.
Kif taħseb li l-ispiża tal-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ tagging tikkumpara ma’ Sistema ta’ ħabs tradizzjonali? Hu investiment sostenibbli?
Din kienet ir-raġuni għaliex ma ddaħħlitx għoxrin sena ilu: l-economies of scale u l-biża’ li ser tkun tiswa’ qatigħ. Illum biex iżżomm priġunier tiswa, u tiswa sew, ħafna aktar minn din is-sistema. Titfa’ però piż fuq l-entitajiet kollha li jridu jkunu preparati b’risposti umani u ta’ sigurtà għal intervent immedjat.
Wieħed irid jara li tiddaħħal gradwalment, f’termini ta’ min ikun jista’ jkun eleġibbli u mhux issa la dieħla kulħadd ifajjar li jridha għall-klijent tiegħu. L-ewwel tiġi s-soċjetà. Peress li ser tidħol gradwalment, ikun għaqli li naraw l-eżitu tal-operat fuq ix-xhur li ġejjin u hekk ikompli l-varar.
Xi rwol jista’ jkollu l-involviment tal-komunità jew is-servizzi ta’ appoġġ biex jiġi żgurat li t-tagging elettroniku jilħaq l-għanijiet intenzjonati tiegħu b’mod effettiv?
Ir-rwoli huma ħafna. Li l-komunità toffri xogħol lil min ma jkollux meta jkun tagged, pereżempju. Li jibda bis-serjetà l-proċess ta’ medjazzjoni u riparazzjoni bejn l-aggressur u l-vittmi (meta dawn tal-aħħar ikunu jridu). Li l-parole ssir l-għażla naturali minflok ir-remission. Li meta xi ħadd ikun tagged jiġi gradwalment hard coded li jikkonforma mad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandu lejn is-soċjetà. Is-soċjetà trid tkun ħanina u tagħraf li min żbalja jista’ jirriforma, imma trid tipprovdi speċjalisti li jassistu r-riforma ssir.
Din ir-riforma waslet u issa li ser isseħħ ta’ vera, irridu nirrealizzaw li t-tag mhix il-joker li hemm fil-logħba Monopoly… xi get out of jail free card. Anzi, hija piż kbir mentalment u soċjalment fuq min jintrabat b’din it-teknoloġija.