Fiż-Żurrieq il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu kburi, bħala mexxej Malti, bil-preżenza ta’ pajjiżna f’kuntest Ewropew. Hemm, Malta qed turi kif jistgħu jsiru l-affarijiet. Dan mhux bil-kliem, iżda bil-fatti. Malta qed tkun eżempju ta’ kif jista’ jkollna eknomija li taħdem, jobs aħjar u iżjed ġid li jitqassam aħjar. Esprima sens ta’ kburija li r-riżużltati li qed jikseb pajjiżna nkisbu flimkien f’erba’ snin biss, li matulhom inbidlet id-direzzjoni tal-pajjiż u l-impossibbli sar realtà.
“Għal tant żmien, dan il-pajjiż kien qed jieħu mill-ġenerazzjoni li jmiss biex jgħix hu, minflok jagħti. Aħna, wara tant snin, f’dawn l-erba’ snin biss, biddilna d-direzzjoni u mill-ġdid Malta bdiet tħalli l-wirt u mhux tonfoq mill-wirt ta’ wliedha” qal il-Prim Ministru.
Kull persuna li qiegħda fuq il-minimum wage se jkun qed tieħu żieda, kompla jgħid Joseph Muscat, u dan isir billi l-ġid li qed jinħoloq ikun mifrux. Għalhekk l-insistenza fuq tmexxija pro-business, spjega Muscat. Issa, minn dak il-ġid, ikun hemm biżżejjed biex tingħata għajnuna lil min jixraqlu.
“Ġid, flus, xogħol” – dan hu dak li dan il-Gvern irid iħalli lill-uliedna, filwaqt li d-dejn kollu li kien inġabar fil-ħames snin ta’ qabel tħassar. Il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-folla miġbura tipprova tiftakar fil-miżuri soċjali li daħħal il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. L-istess amministrazzjoni li żiedet id-dejn filwaqt li ma tat xejn lill-poplu. Anzi, żiedu l-kontijiet u l-qgħad.
L-isforz tal-poplu Malti, il-ħeġġa li jinġieb in-negozju u l-investiment, se jkunu ikkonfermati il-ġimgħa d-dieħla, jekk jirriżulta li għandna l-inqas defiċit qatt irreġistrat. Jekk ikun il-każ, qal Joseph Muscat, “tkun rebħa kbira għall-pajjiż kollu”. Tkun reħba ta’ kredibiltà u konferma li l-kelma tagħna tiswa għall-Ewropa. L-attenzjoni Ewropea tkun fuq Malta, u “pajjiżna għajnejhom fuqna għax jarawna eżempju għall-ħaddieħor”. L-iktar ħaġa importanti, qal il-Prim Ministru, li nkunu għamilna xi ħaġa tant diffiċli għal Gvernijiet oħra. Pajjiżna jkun wera li l-kompetenza fiskali kapaċi timxi id f’id mar-responsabiltà soċjali.
Issa, żied jgħid il-Prim Ministru, imiss it-tieni livell; li mhux biżżejjed li jkollok xogħol, imma karriera li tagħha titħallas paga li tixraq. Kull min qiegħed ma kumpanija privata li tipprovdi servizz lill-Gvern ħa żieda, fakkar Muscat. Issa l-istandards li daħlu mal-Gvern u għall-Gvern iridu jinxterdu għal kulħadd.