“Jien tlaqt minn Kap tal-Oppożizzjoni, 16 minus 7, kemm jiġu … 9. Fid-9 ta’ Ottubru 2017.”
“Kieku dak ġara qabel jien irriżenjajt, kont nibqa’, mhemmx dubju.”
Simon Busuttil, Eks Kap NazzjonalistaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Dan kien wieħed mill-argumenti li għamel Simon Busuttil waqt intervista li saritlu fil-podcast ta’ Karl Bonaci fl-aħħar jiem.
Konferma oħra kemm l-eks Kap Nazzjonalista mhux veru jemmen b’xi mod fil-valuri tad-demokrazija, kif jipprova jagħti l-impressjoni flimkien ukoll ma’ sħabu fil-fergħa estremista tal-establishment.
Dan meta, b’tali dikjarazzjoni, Busuttil mhux biss konvenjentement ma semmiex li, dak iż-żmien, postu kien diġà ttieħed minn Adrian Delia, iżda, b’dak li qal, ukoll ammetta li kien litteralment lest jinjora r-riżultat tal-elezzjoni interna fil-Partit nhar is-16 ta’ Settembru biex jibqa’ hu jservi bħala Kap.
Busuttil innifsu kien ħabbar ir-riżenja minn Kap Nazzjonalista fil-5 ta’ Ġunju tal-2017, wara l-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna sa dak iż-żmien.
Delia kien sar il-Kap il-ġdid wara vot qawwi tat-tesserati Nazzjonalisti fis-16 ta’ Settembru, tliet ġimgħat qabel id-data tad-9 ta’ Ottubru msemmija minn Busuttil. Jumejn wara, fit-18 ta’ Settembru, kien ukoll ippreżentat biċ-ċwievet tal-uffiċċju fid-Dar Ċentrali mill-istess Busuttil.
Ta’ min ifakkar ukoll li, fil-kampanja li kienet saret dak is-sajf għall-ogħla kariga fil-PN, Busuttil kien pubblikament ħeġġeġ lil Delia biex jirtira mit-tellieqa bl-argument li ma kienx denju għall-pożizzjoni.
Waqt li d-dħul ta’ Delia fil-Parlament baqa’ jiġi mġebbed għal ftit jiem sakemm fl-aħħar ġie deċiż min kellu jċedilu postu, ladarba ma kienx elett f’elezzjoni, il-ħatra formali tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni saret nhar is-6 t’Ottubru, li wkoll jiġi qabel id-data msemmija minn Busuttil il-ġimgħa l-oħra.