Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Chris Bonett ħabbar it-tnedija tal-ewwel fażi tal-iskema ‘Vjal Kulħadd’.
Permezz ta’ din l-inizjattiva maħruġa minn Infrastructure Malta, diversi rħula u bliet f’pajjiżna ser jaraw it-toroq u l-ispazji miftuħa tagħhom jiġu trasformati f’żoni aktar siguri u aċċessibbli, b’aktar siġar u ħdura, filwaqt li jiġi nkoraġġit aktar l-użu tar-rota.
“Biex noħolqu ambjenti fejn nagħtu ċ-ċans lin-nies u nħeġġu lin-nies jużaw metodi alternattivi tat-trasport, jiġifieri apparti li nagħmlu l-ispazji pubbliċi li huma kollha importanti, huma ċentrali fil-Manifest elettorali tal-Gvern li noħolqu żoni li jagħtu preferenza lir-roti u lill-mixi fuq il-karozzi hija xi ħaġa li nemmnu fiha mhux bil-kastig imma bl-inċentiv.’’
Il-Ministru Chris Bonett
Il-Ministru Bonett qal li l-ewwel fażi ta’ din l-inizjattiva se tara spazju ta’ daqs madwar 20 grawnd tal-futbol, b’investiment ta’ 10 miljun ewro. Żoni li se jkunu riġenerati sabiex it-toroq Maltin jerġgħu jingħataw il-ħajja, u fihom ikun hemm aktar attività minn residenti u anke saħansitra tfal bħas-snin l-imgħoddija.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/01/29151441/Screenshot-2025-01-29-at-15.10.39-1024x481.jpg)
Huwa qal li x-xogħolijiet ser ikunu pjanati bl-aħjar mod għall-inqas inkonvenjent possibbli.
Il-Kap ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul spjega kif kien hemm madwar 40 applikazzjoni minn Kunsilli Lokali differenti għal din l-iskema, li f’din l-ewwel fażi ser tkun qed tara 14 il-triq jiġu trasformati sas-sena 2026.
Fost il-proġetti hemm, Triq Hompesch il-Fgura, Pjazza Tumas Dingli f’Ħ’Attard, Misraħ Ħal Kirkop, Misraħ Is-Saqqajja fir-Rabat, u proġetti oħrajn fl-Imsida, il-Furjana, Ħaż-Żebbuġ, il-Mellieħa, il-Mosta, in-Naxxar, Ħal Safi, is-Siġġiewi, Ħal Tarxien u Ħal Kirkop.
Għal toroq li ser jagħtu prijorità lin-nies, kull min irid jivvjaġġa, kemm bil-mixi, kemm juża r-rota jew nkella mezzi alternattivi huwa proġett innovattiv ħafna ħa nkunu qed naraw issa mitt elf metru kwadru ta’ toroq alternattivi li huma mportanti ħafna għaliex huma toroq moderni li jagħmlu sens kemm għal-ambjent u anke għan-nies.’’
Steve Ellul, Kap Eżekuttiv, IM
ONE News tkellem ma’ żewġ Sindki differenti, Karl Boxall ta’ Ħal Għaxaq u Steve Zammit Lupi ta’ Ħaż-Żebbuġ, li t-tnejn laqgħu b’mod pożittiv dan l-investiment.
‘’Mill-att ta’ kunsilli Lokali hija inizjattiva ferm importanti li ħa jgawdi l-Poplu Malti u Għawdxi kollu, inizjattiva fejn spazju miftuħa li l-poplu Malti u Għawdxi ser jgawdi biex ikun jistgħu jgawdi iktar spazji fejn jista’ jimxi u affarijiet milli tara l-karozzi, iktar siġar u iktar spazji miftuħa’’
Karl Boxall, Sindku Ħal Għaxaq
“Hawnhekk qiegħdin naraw inizjattivi li huma pożittivi, għax qegħdin naraw l-infrastruttura u l-ambjent qed jiġu integrati taħt l-istess tema, jiġifieri flok qiegħdin naraw toroq fejn jidħol il-wiċċ li huwa tarmak jew konkos, qegħdin naraw aspetti ta’ siġar u ta’ aċċessibilità aħjar kemm għan nies li jimxu għal mezzi ta trasport alternattiv bħal użu tar-rota li huwa mportanti ħafna li meta nitkellmu dwar l-infrastruttura naraw it-tema mifruxa.”
Steve Zammit Lupi, Sindku Ħaż Żebbuġ