Ġiet imnedija l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni, għas-snin 2025-2030. Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, flimkien ma’ Alexander Tortell mid-Direttorat tad-Drittijiet Umani, waqt konferenza tal-aħbarijiet spjegaw kif din l-Istrateġija ġdida qed tidħol iktar fid-dettall rigward id-diversi rakkomandazzjonijiet relatati mal-integrazzjoni li jinsabu elenkati fid-dokument tal-Malta Labour Migration Policy.
Din l-Istrateġija saret wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa.
Torell qalilna kif dan kollu jeħtieġ ħafna riżorsi, fejn barra l-finanzjament nazzjonali, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem se jmexxi proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja ta’ madwar sitt miljun Ewro.
“Dan jippermetti lilna, li qed naħdmu direttament fis-settur, li naħdmu flimkien mas-soċjetà’ ċivili, mal-istakeholders u l-organizzazzjonijiet, il-komunitajiet tal-immigranti ħalli nisimgħuhom, jkollna jdejna mal-polz tagħhom, u naraw x’inhuma l-bżonnijiet ġodda jew aktar importanti.”
Alexander Tortell, mid-Direttorat tad-Drittijiet Umani
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/01/29142545/475028869_1006067791573051_2148411117975448088_n.jpg)
Fil-kummenti li tat is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, qalet kif din hija t-tieni strateġija nazzjonali u li barra li tmur id f’id mal-Labour Migration Policy, dawn huma sensiela ta’ miżuri li jagħtu aktar inċentiv biex anke jkun hemm aktar inklużjoni fost is-soċjetà.
“Qed naraw li nindirizzaw il-ħtiġijiet ekonomiċi tal-pajjiż, filwaqt li nirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità tal-persuna. Għaldaqstant sodisfatta illi matul dawn is-snin, gradwaw aktar minn 5000 ħaddiema barranin mill-kors “I Belong” b’taħriġ fil-Malti, l-Ingliż u fil-kultura Maltija, u l-pjan ta’ din l-istrateġija hu li nkomplu nsaħħu dan il-programm sabiex nassiguraw l-integrazzjoni issir bl-aktar mod effettiv.”
Rebecca Buttigieg, Segretarju Parlamentari