Matul is-sena l-oħra saru numru rekord ta’ operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, tant li minn Awwissu li għadda bdew isiru interventi wara s-sitta ta’ filgħaxija.
Qal dan il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela f’dibattitu li kellu mal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fuq NET TV.
Waqt dan id-dibattitu, il-Ministru għas-Saħħa kien ċar fl-isforzi li l-Gvern qiegħed jagħmel sabiex il-pazjenti verament jingħataw l-aqwa servizz.
“Is-sena li għaddiet, operazzjonijiet ġewwa Mater Dei, saru tnejn u sittin elf u fuqhom. Dawn huma erbat elef iktar mis-sena ta’ qabel. Is-sena ta’ qabel, kienu saru iktar minn ta’ qabel.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Fl-istess waqt il-Ministru tenna kif fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, rajna żieda ta’ 1,000 operazzjoni għal rekord ieħor ta’ 5,529 operazzjoni. Apparti dawn saru madwar 2,110 operazzjoni fi ftehim mal-privat.
Il-Ministru Abela żvela kif fl-2024, in-numru ta’ testijiet fil-laboratorji f’Mater Dei laħqu rekord ta’aktar minn15-il miljun test, filwaqt li f’Għawdex laħaq l-470,000.
Iżda l-ħidma fil-qasam tas-saħħa ma tieqafx hemm, hekk kif kien hemm ukoll żieda fin-numru ta’ X-Rays, grazzi għall-ħidma siewja li qed jagħmlu l-ispeċjalisti.
“Ġewwa l-Isptar Mater Dei, is-sena l-oħra saru kważi tlett mitt elf tip ta’ X-ray. Ġewwa l-Primary Health saru elf mija u ħamsin tip differenti ta’ x-rays.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru għas-Saħħa qal ukoll li huwa sodisfatt li mhux qed ikun hemm pazjenti li jiġu rikoverati l-Isptar fil-kurituri.
Dan bil-kontra għal dak li qiegħed jiġri madwar id-dinja kollha, fejn anke minħabba ż-żieda kbira fil-każi ta’ influwenza u mard ieħor staġjonali, l-isptarijiet barranin qed joffru l-kura lill-pazjenti fil-kurituri u fil-parkeġġi.
Dwar is-sitwazzjoni tal-emerġenza, il-Ministru għas-Saħħa qal li qed isir investiment b’saħħtu sabiex il-ħin tal-istennija jonqos, anke bil-ħruġ tat-tender għall-espansjoni tal-emerġenza. Hawn anke rrefera għall-ħidma li saret fl-emerġenza matul l-2024.
“L-Emerġenza ta’ Mater Dei, fl-2024 l-ispeċjalisti tagħna raw mija u erbgħin elf pazjent. Tgħidli dak normali, ngħidlek għall-popolazzjoni tagħna normali. Minnhom sitta u erbgħin elf daħlu l-Isptar.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Quddiem dan kollu, id-Deputat Nazzjonalist Adrian Delia qal li dawn iċ-ċifri mhux jimpressjonawh.
“Li tgħidli ili rrikorew mija u erbgħin elf, assolatament ma għidtli xejn.”
Adrian Delia, Deputat Nazzjonalista
Dwar l-Isptar Karen Grech, il-Ministru qal li se jkun qiegħed jinħareġ tender sabiex ikun jista’ jiġi ristrutturar.