L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-NAO, kisser għal kollox l-allegazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista u l-forċini tiegħu kontra l-Malta Film Commission, immexxija mill-Kummissarju Johann Grech, fost l-oħrajn dwar l-użu ta’ fondi allokati ghall-produzzjonijiet Maltin għal skop ieħor, inkluż għall-Malta Film Week.
F’laqgħa oħra tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi t-Tlieta waranofsinhar, ħareġ li, fil-verità, il-proċess ta’ marketing mill-Kummissjoni tal-Films jimxi mal-prassi tal-industrija u ħalla l-frott mixtieq favur investiment barrani li spiċċa jiġi Malta b’introjtu qawwi għall-ekonomija.
L-NAO ukoll giddeb lill-Partit Nazzjonalista meta allega li l-cash rebate ma jsegwix ir-regoli tal-għajnuna li tingħata mill-Istat, meta qal li dan fil-fatt hu kompletament konformi mal-proċess.
Kif kien ingħad ukoll fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, ippubblikat xhur ilu, fil-Parlament ġew elenkati wkoll sfidi li għandha l-Malta Film Commission, bħal nuqqas ta’ riżorsi umani, anke jekk ġie nnotat li l-Kummissarju Grech innifsu għamel ħiltu biex jinstabu persuni addattati permezz ta’ sejħiet pubbliċi.
Ingħad kif, minn Jannar tal-2018, il-Malta Film Commission ukoll investiet bil-qawwi fl-industrija lokali u poġġiet lil Malta fuq il-mappa internazzjonali bi blockbusters jiġu attirati, fosthom is-sequel ta’ ‘Gladiatior’, bi stilel ta’ Hollywood, bħal Denzel Washington, li wkoll kellu biss kliem ta’ tifħir għall-produzzjoni li ttellgħet f’pajjiżna, b’ħaddiema Maltin.
L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kkonferma l-impatt ekonomiku li produzzjonijiet barranin qed iġibu f’Malta, fejn għal kull ewro investit permezz tal-cash rebate, il-pajjiż qed jieħu lura tliet darbiet iżjed fl-ekonomija.
Dan ifisser tkabbir eknomiku b’saħħtu li wkoll joħloq impjiegi ta’ kwalità.