Aktar minn tliet kwarti tan-negozji żgħar u medji f’pajjiżna qalu li, is-sena li għaddiet, marru aħjar jew baqgħu fl-istess ilma fil-bejgħ tagħhom meta mqabbel mal-2023. Minbarra hekk, 67% tal-SMEs ukoll qalu li kellhom profitt simili jew akbar.
Dan ħareġ minn stħarriġ, li għamlet il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji fost il-membri tagħha u li ġie ppreżentat lill-midja t-Tlieta waranofsinhar, fejn ingħata rendikont ta’ kif marru n-negozji s-sena li-oħra.
Maġġoranza assoluta tan-negozji żgħar u medji esprimew sodisfazzjon dwar l-andament fl-2024.
Meta l-istess negozji ġew mistoqsijin biex jagħtu r-raġunijiet ewlenin li jattribwixxu ż-żieda fil-bejgħ tagħhom, ġew indikati primarjament l-istabbiltà fis-suq lokali u strateġija aħjar fl-operat.
Minbarra hekk, l-istħarriġ tal-Kamra tal-Kummerċ għan-Negozji Żgħar u Medji ta ħarsa lejn l-andament fi żmien il-festi tal-aħħar tas-sena, fejn 70% qalu li kellhom bejgħ simili jew aħjar mill-istess perjodu fl-2023.
Dwar kif qed iħarsu lejn din is-sena, aktar minn wieħed u tmenin fil-mija qed jantiċipaw li jkollhom sena aħjar jew simili tal-2024.
Meta ttrattati l-akbar problemi li ffaċċjaw is-sena l-oħra, rappreżentanti tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji semmew in-nuqqas ta’ ħaddiema u l-kompetizzjoni fis-suq.
Il-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela, spjega li l-2024 tqabblet tajjeb ħafna f’termini ta’ profittabilità mas-sena ta’ qabel.
“Jidher li hu pożittiv mill-andament tar-risposti li kellna. Staqsejnihom ukoll dwar kif jaħsbu li se tkun is-sena l-2025, li ħa tkun sena tajba l-istess bħall-2024 u dan jawgura tajjeb għall-membri tagħna fin-negozji li se jkollna sena pożittiva b’ekonomija, bħalma jaf kulħadd, li hi kważi l-aqwa fl-Ewropa bħalissa u nisperaw li nżommu din l-ekonomija kif inhi.”
Paul Abela, President, Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji
Is-sitwazzjoni b’saħħitha tal-ekonomija f’pajjiżna hi kompletament bil-kontra ta’ ħafna pajjiżi Ewropej, b’uħud saħansitra jidħlu f’riċessjoni, waqt li l-popli u n-negozji tagħhom qed jiġu mġegħla jġorru piżijiet eżorbitanti, b’inqas flus disponibbli fl-idejn u bil-livell tal-ħajja jitnaqqar dejjem iżjed.