Is-sena l-oħra, l-investiment mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali kien jaqbeż il-€560,000 biex tagħti kura personalizzata.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel f’residenza għat-tfal u ż-żgħażagħ, immexxija mill-istess FSWS, f’Ħ’Attard.
F’din id-dar, li jgħixu fiha sitt itfal u żgħażagħ, il-Prim Ministru rrikonoxxa l-impenn kontinwu li timplimenta mudell ta’ kura mibni fuq il-ħtiġijiet personali tar-residenti.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/01/28112011/PR250137b-1024x683.jpg)
It-tmexxija f’din id-dar spjegat li, ma’ dawn it-tfal, isir ħafna investiment fl-edukazzjoni u fis-saħħa, kif ukoll xogħol professjonali li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-Prim Ministru Abela rrimarka li kull tifel u tifla ħaqqhom l-aħjar fis-soċjetà u rringrazzja s-sens ta’ empatija u xogħol iddedikat li jwettqu l-professjonisti u l-ħaddiema tal-FSWS favur ħajja sabiħa lil dawn it-tfal.
F’din id-dar, bosta tfal u żgħażagħ tkellmu mal-Prim Ministru Robert Abela fuq l-esperjenzi f’ħajjithom.
Dr Abela nnota li djar bħal dawn jagħtu esperjenza pożittiva.
Ġie spjegat li, fl-aħħar għaxar snin, l-FSWS fetħet għaxart idjar komunitarji ġodda u żewġ binjiet addizzjonali ddedikati għall-aftercare.
Preżenti flimkien mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti.