Waqt konferenza tal-aħbarijiet, fil-preżenza ta’ għadd ta’ rappreżentanti minn kunsilli lokali Maltin u Għawdxin, tniedew l-iskemi li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali għandha allokati għal din is-sena l-ġdida.
Tali skemi huma mmirati biex ikunu ta’ sostenn għal dawn il-gvernijiet lokali f’diversi proġetti kulturali, ambjentali u soċjali.
Waqt li spjega dawn l-iskemi, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, Emil Vassallo, qal is-sena l-oħra kien hemm sitt skemi, li bejniethom qassmu mat-€2.5 miljun għal diversi proġetti li saru fil-komunitajiet, iffokati fuq kampanji ta’ tindif fil-lokalitajiet u l-ħolqien jew it-titjib ta’ latrini pubbliċi, dawk infrastrutturali jew investiment f’vetturi li jaqdu lir-residenti għal kwalità ta’ ħajja aħjar u attivitajiet kulturali, bħal dawk għal żmien il-Karnival u l-Milied.
“Għandek ħafna skemi oħrajn, ideat aktar milli skemi, għax l-iskemi mhumiex magħluqin, imma mfasslin b’mod li l-kunsilli lokali jagħżlu xi jridu jagħmlu bil-fondi addizzjonali fil-lokalitajiet tagħhom.”
Emil Vassallo, Direttur Ġenerali
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li l-kunsilli huma dawk li jolqtu l-ħajja tan-nies b’mod pożittiv, fejn anke jkunu t’għajnuna u sostenn għall-lokalità kollha.
Qalet kif il-Gvern ikompli jemmen fil-kunsilli lokali u hu, għalhekk, li se jkomplu jsostnu u jgħinuhom biex ikomplu jwettqu bl-aħjar mod ix-xogħol li jagħmlu. Permezz ta’ dan l-investiment, se jaraw li l-ħolm li jkollhom il-kunsilli, jwettquhom bl-aħjar mod.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/01/28093320/pr250129b-1-1024x711.jpg)
Għaldaqstant, mill-ġdid, il-Gvern qed jinvesti f’ammont sostanzjali fl-iskema ta’ finanzjament għal komunitajiet aktar b’saħħithom u ta’ kwalità, għax jemmen bi sħiħ fil-benesseri tas-soċjetà, fl-għajnuna lill-familji vulnerabbli u fil-bżonn ta’ aktar spazji miftuħa u ta’ rikreazzjoni, fost oħrajn.
“Se nkunu qegħdin nipprovdu €3 miljun oħra lill-kunsilli lokali biex il-proġetti li huma jixtiequ jagħmlu, iwettquhom biex ikunu r-residenti li jgawdu minn proġetti infrastrutturali, ambjentali, edukattivi u kulturali. Għaldaqstant, inħeġġeġ lill-kunsilli lokali kollha jirrispondu biex ikollhom aktar fondi ħalli jkomplu jgħinu lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Alison Zerafa Civelli, Segretatrjua Parlamentari