Is-sena l-oħra, pajjiżna kellu l-ogħla temperatura telgħet f’Lulju, hekk kif it-temperatura għal kważi 38 grad celsjus.
Is-sena l-oħra, ħalliet l-uċuħ tar-raba jixxenqu għall-ilma, tant li tniżżlet fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala t-tielet l-aktar sena xotta, bix-xhur kollha jkunu aktar niexfa min-norma klimatika.
Fil-fatt, tkejlu 285.3mm xita, jiġifieri 260mm inqas mill-kwota.
Mill-banda l-oħra, Novembru ta xi ftit jew wisq tan-nifs lill-bdiewa għax ġab miegħu l-akbar ammont ta’ xita, anke jekk xorta waħda ftit inqas min-norma klimatika.
Madanakollu, dan ma kienx biżżejjed biex il-ħarifa tagħmel tajjeb għan-nixfa tas-sajf.
Apparti t-temp xott, temperaturi ogħla mill-medja mmarkaw kważi s-sena kollha, għajr Diċembru, meta t-temperatura medja kienet fl-istess livell tan-norma klimatika.
Is-sena li għaddiet ġabet magħha żewġ mewġiet tas-sħana. Waħda minnhom waslet kmieni, lejn nofs Mejju, filwaqt li t-tieni waħda ħalliet lill-Gżejjer Maltin bla nifs f’nofs Ġunju.
L-aktar xahar sħun tal-2024 kien Awwissu, b’temperatura medja ta’ 29.1°C, filwaqt li Jannar kien l-aktar wieħed kiesaħ, bit-temperatura medja tkun dik ta’ 14.1°C.
Diversi jiem kienu wkoll immarkati minn riħ qawwi, bl-aktar riħ komuni jkun dak li jonfoħ mill-Punent, mill-Punent Majjistru u mill-Punent il-Lbiċ. April kien fost ix-xhur l-aktar mirjieħa, tant li matulu kien hemm ħamest ijiem li mmarkaw qawwa ta’ riefnu.