Minkejja l-azzjonijiet iddettati mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, f’numru ta’ ċentri tas-saħħa tal-Gvern mil-lum, b’impatt fuq il-kura tal-pazjenti, il-Gvern introduċa servizzi biex itaffi t-tbatija lil dawk li jeħtieġu servizzi varji.
Il-MAM il-Ħamis ħabbret li ordnat lit-tobba biex mil-lum u kull nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa ma jaqdux id-dmirijiet tagħhom fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Gżira, Bormla, Ħal Kirkop, Birkirkara u Ħal Qormi.
Determinat li din il-kura tibqa’ tiġi salvagwardjata, għax il-pazjenti m’għandhom qatt ikunu vittmi ta’ tali tilwim, il-Gvern qiegħed jitlob lill-istituzzjonijiet privati tas-saħħa biex jipprovdu huma ċerti servizzi sakemm it-tilwima tiġi riżolta.
Fil-fatt, mil-lum stess, il-Gvern qed joffri is-servizz ta’ tobba tal-familja fl-akkwati taċ-ċentri tas-saħħa milqutin mid-direttivi tal-MAM, miżura mħabbra fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva. Tali servizzi jistgħu jinkisbu b’telefonata lil tobba tal-familja mqabbdin apposta.
Dawk li joqogħdu fl-akkwati taċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Gżira, Bormla u Ħal Kirkop u għandhom bżonn tabib tal-familja, iridu jċemplu fuq in-numru 9988 9223. Dan filwaqt li servizz limitat se jkun offrut mill-Isptar Capua u mill-Isptar St James.
Għal dawk il-persuni li jgħixu fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara u jeħtieġu l-istess servizz, mitluba jċemplu fuq in-numru 7949 1500. Servizz limitat mill-Isptar DaVinci se jkun offrut ukoll.
Min jeħtieġ urġenti tabib tal-familja u joqgħod fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, mitlub iċempel fuq in-numru 7748 2480. Servizz limitat ta’ tabib tal-familja se jkun offrut mill-Isptar St Thomas.
ONE News hu informat li, waqt li, fil-bidu, tħabbar li dawn is-servizzi ta’ tabib tal-familja huma disponibbli bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-2:00 ta’ wara nofsinhar, aktar tard ġew estiżi sat-8:00 ta’ filgħaxija.
Il-pubbliku informat li s-servizzi li jingħataw minn infermieri fiċ-Ċentri tas-Saħħa mas-servizzi tal-POC Clinics, inkluż tal-warfarina, se jkomplu għaddejjin normali.
Il-Gvern ħa nota tat-talbiet tal-MAM tul 35 siegħa ta’ diskussjonijiet u negozjati. Peress li kif taf sew l-unjin, il-Gvern dejjem joffri impjieg għal kull tabib li dispost jaħdem fis-Servizz Pubbliku u jinvesti b’mod konsistenti u b’serjetà fit-taħriġ u speċjalizzar tat-tobba, jifhem li minkejja dawn l-isforzi kollha xorta hemm bżonn ta’ aktar tobba u għalhekk qed jesplora kull possibbiltà oħra biex iżjed tobba.
Aqra aktar: