L-Imħallef Edwina Grima tat il-libertà proviżorja lil Yorgen Fenech, l-akkużat li hu l-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Qorti tat din il-libertà kundizzjonata fuq depożitu ta’ €80,000 u zitu, Moira Fenech trid tkun garanti bl-ishma tagħha f’Tumas Group jagħtu garanzija.
Fenech kien ilu jinżamm arrestat għal dawn l-aħħar ħames snin.
Id-digriet mill-Imħallef ingħata dalgħodu fil-Qorti.
Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hemm persuni oħra akkużati li huma Robert Agius magħruf bħala tal-Maksar u Jamie Vella.
Dawn mixlija li ssuplixxew il-bomba li biha nqatlet Caruana Galizia.
Fuq il-każ, tliet persuni diġà nstabu ħatja u jinsabu l-ħabs li huma Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu u l-aħwa Degiorgio, George magħruf bħala ċ-Ċiniż u Alfred magħruf bħala l-Fulu.
Dawn it-tliet persuni ammettew li eżigwixxew id-delitt li bih inqatlet Caruana Galizia.