Bħala parti mill-investiment li qed isir fir-riċerka lokali, tneda proġett ġdid, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, għal kontra l-prevenzjoni tal-kanċer tal-imsaren. Dan jagħmel parti minn kampanja wiesgħa ta’ inizjattivi innovattivi u għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna.
Il-Professur Godfrey Grech mid-Dipartiment tal-Patoloġija fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija fl-Università, qal li dan kollu hu importanti ferm u se jkun qed isir billi anke jinkisbu kampjuni mill-komunità, fejn l-epiġenetika umana hi kodiċi importanti u, għalhekk, li l-proġett se jkun qed jgħin biex tiġi promossa ħajja aħjar.
Dwar il-kanċer tal-imsaren, li hu t-tielet l-aktar komuni fid-dinja, inkluż fost persuni ta’ età żgħira, u b’waħda mill-aktar rati għoljin ta’ mwiet, dan il-proġett se jgħin biex isir aktar studju u l-effetti li jkun hemm.
“Nixtiequ li dan il-proġett ngħinu u nissapportjaw anke l-iscreening fuq ħafna għanijiet li għandna, b’wieħed minnhom hu awareness u t-tieni wieħed hu li jkollna aktar testijiet innovattivi billi nifhmu aktar l-informazzjoni tat-tumur meta jkun aktar bikri ħalli nkunu nistgħu nifhmu x’test nistgħu nagħmlu u biex nistgħu ngħinu wkoll lill-iscreening.”
Prof. Godfrey Grech, Dipartiment tal-Patoloġija
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal kif hu tajjeb li jkollna pajjiż b’saħħtu barra li jkollna ekomomija b’saħħitha.
Wara li diġà tniedew proġetti innovattivi ta’ riċerka, din id-darba kien imiss il-qasam mediku, bil-proġett li nbeda mill-għaqda Ħamrun Ħanin, li ressqet il-proġett mal-Università ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari qal li, grazzi għaż-żieda sostanzjali allokata fl-aħħar baġit, dan il-proġett seta’ jseħħ mill-Gvern.
Dan mistenni jnaqqas il-ħtieġa għal proċeduri mediċi, bħal kolonoskopiji bla bżonn, waqt li se jiffranka riżorsi prezzjużi fis-sistema tas-saħħa u jindirizzahom għal min verament jeħtieġ il-kura.
“Aħna ngħidu li l-bniedem m’għandux għeżeż mis-saħħa tiegħu u, fost l-oħrajn, illum qed nittrattaw marda serja li tolqot lil diversi minna, bħal familjari u ħbieb tagħna, li hi l-marda tal-kanċer. Permezz ta’ dan il-proġett ta’ riċerka u innovazzjoni, se nkunu qegħdin nagħmlu din ir-riċerka fil-qalba tal-komunitajiet, għand in-nies, f’qalb in-nies u proprju se nkunu qegħdin nisħqu kemm il-prevenzjoni hi aħjar mill-kura.”
Keit Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari