L-NCPE tesprimi t-tħassib tagħha dwar inċident riċenti fejn xi ġenituri neħħew lil uliedhom minn skola partikolari minħabba l-orjentazzjoni sesswali tal-għalliem.
Filwaqt li d-deċiżjoni tal-iskola li ma tbiddilx l-għalliem hija ta’ min ifaħħarha – u li kieku sar mod ieħor kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali – inċidenti omofobiċi bħal dawn inevitabbilment jaffettwaw lill-individwu li huwa fil-mira u joħolqu impatt negattiv fuq l-ambjent tal-iskola.
L-istituzzjonijiet, partikolarment l-iskejjel, għandhom rwol kruċjali fit-trawwim ta’ kultura ta’ inklużjoni u aċċettazzjoni.
Identitajiet soċjali diversi, kemm jekk relatati mal-ġeneru, il-kultura, l-orjentazzjoni sesswali, jew kwalunkwe karatteristika oħra, huma karatteristiċi intrinsiċi tas-soċjetà. Ħadd m’għandu jiġi mġiegħel jaħbi jew iħossu mistħi bl-identità tiegħu. Għalhekk, dejjem għandna ngħallmu lit-tfal li l-individwi kollha huma ta’ valur ugwali, għaliex dan huwa l-pedament biex ngħixu flimkien b’rispett reċiproku.
L-NCPE tinnota b’sodisfazzjon il-kundanna ġenerali wara li ġie żvelat dan l-inċident, u tittama li jservi ta’ tfakkira għall-ħidma li trid tkompli ssir biex titrawwem soċjetà li tkun tassew inklussiva għall-persuni LGBTIQ+.