It-tisħiħ fis-sigurtà ta’ pajjiżna fl-aħħar snin huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd. Ir-riċerka, ir-riżultati u anke rapporti internazzjonali, bħar-Rule of Law Index, jgħidu li s-sigurtà ta’ pajjiżna hi waħda b’saħħitha, b’dan tal-aħħar ipoġġi lil Malta mal-iktar għaxar pajjiżi siguri fid-dinja.
Dan intqal mill-Partit Laburista, fi stqarrija, fejn kompla li l-Kelliem Nazzjonalista Darren Carabott ikun jixraqlu aktar li kellu jissejjaħ Shadow Minister tas-Social Media, għax donnu xogħlu jibda u jispiċċa hemm, biex imbagħad kemm-il darba jinqabad żbaljat jew saħansitra mitluf f’kontradizzjonijiet.
Il-PL fakkar biss fi ftit eżempji dwar dan, fosthom li l-PN jattakka lill-pajjiż fuq is-sigurtà, fl-istess ħin li jinjora r-riżultati miksuba f’pajjiżna, u attakka fuq l-inforzar, iżda mbagħad l-istess kelliema tiegħu attakkaw lill-pulizija meta jagħmlu rondi spissi biex ineħħu mill-pajjiż lil min qiegħed hawn bla permess.
L-istqarrija kompliet li l-PN jattakka lill-awtoritajiet li jkunu għamlu xogħlhom u qabdu huma l-abbuż, għax fil-verità l-PN ma jinteressahx li jkun miġġieled l-abbuż, iżda l-abbuż iridu biex jagħmel propoganda partiġjana.
“Il-PN jitkellem fuq is-sigurtà, iżda lil min f’dan il-pajjiż jaħdem għas-sigurtà, kkalpestah kemm mill-Gvern u kemm mill-Oppożizzjoni. B’kuntrast, il-Partit Laburista mill-Gvern ta l-aqwa kundizzjonijiet u l-aqwa riżorsi lill-ħaddiema kollha,” tenna l-PL.
Carabott minflok fatti jxerred fake news. Minflok proposti jippreżenta l-biża’ li jipprova jxerred minn m’għandux ‘beef.’
Carabott lmenta li ma ntqal xejn fuq Facebook fil-każ tal-ajruport li jirreferi għalih. Dan meta l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol wieġeb fid-dettall lill-ġurnalisti u spjega anke l-passi u r-responsabbiltajiet. Carabott qal li ma ntqal xejn meta anke l-Pulizija wieġbu lill-ġurnalisti u meta ħarġu stqarrijiet uffiċjali.
Kultant jagħmel tajjeb ix-shadow minister tas-social media jinqala’ ftit mill-facebook u jibda jagħmel il-politika bis-serjetà, temm jgħid il-Partit Laburista.