Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien tressaq quddiem il-Qorti akkużat li fix-xhur ta’ bejn Settembru u Diċembru tas-sena li għaddiet, ikkorompa tifel ta’ 12-il sena u tah fastidju fid-dar fejn kien jgħix l-akkużat biex jilgħab bil-Playstation, u matulhom, it-tifel kien jiġi ffastidjat u kienu saħansitra qed isiru avvanzi sesswali.
Fil-Qorti, l-Ispettur Joe Spiteri spjega li l-allegat vittma u l-imputat kienu ħbieb, u li kien imur fir-residenza tal-akkużat biex jilgħab bil-Playstation.
Ġie spjegat li din mhux l-ewwel darba li l-akkużat tressaq b’rabta ma’ reat sesswali, iżda t-tielet darba, u fid-drabi l-oħra li tressaq, tressaq biss b’ċitazzjoni.
Il-prosekuzzjoni argumentat li minflok induna li żbalja, l-akkużat baqa’ jipprova jħajjar lit-tifel imur fid-dar tiegħu.
L-akkużat, assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Thomas Barbara Sant, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Sadanittant, id-difiża talbet li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Għal din it-talba, il-prosekuzzjoni ċaħditha.
Għall-vittma, dehret l-avukat Francesca Zarb.