L-Awtorità tal-Ippjanar laqgħet l-applikazzjoni għar-riġenerazzjoni tar-Rialto f’Bormla fi proġett massiċċ ta’ sitt miljun ewro. Dan l-investiment jinvolvi fih teatru ġdid, li jikkumplimenta l-istorja tal-kumpless fil-qalba tal-Kottonera, restorant, rooftop tal-ogħla kwalità u faċilitajiet oħrajn ta’ divertiment.
Ftit tax-xhur ilu, il-Partit Laburista sar is-sid waħdieni tal-istess proprjetà storika u simbolika faċċata tal-Baċir Numru Wieħed, wara li nxtrat il-parti t’isfel, li sa ftit ilu kienet takkomoda fergħa tal-HSBC.
Ftit mumenti wara li ġiet approvata l-applikazzjoni b’vot b’saħħtu ta’ disgħa favur u wieħed kontra, ONE News ħa r-reazzjoni tal-Avukat Charlon Gouder, involut fil-proġett, fejn tenna li kien hawn ħtieġa kbira ta’ teatru u spazju kulturali ġdid f’pajjiżna, partikolarment f’din il-parti ta’ Malta, u dan il-proġett hu proprju xhieda ta’ hekk.
“Kif qegħdin naraw dan il-proġett u allura s-sodisfazzjon tagħna llum li dan il-proġett ġie milqugħ b’approvazzjoni daqshekk b’saħħitha mill-Bord tal-Ippjanar, hu xhieda diretta, hu riżultat dirett li nqajmu mill-ġdid dan l-investiment kulturali f’din il-lokalità, anke wkoll fir-run up biex, għaliex le, in-naħa t’isfel ta’ Malta jkollha t-teatru li jixirqilha.”
Charlon Gouder – Avukat
Lura fis-snin, ir-Rialto, li minn dejjem kien il-mekka tad-divertiment fl-inħawi, kien inqered mill-bombardamenti tal-għadu Ġermaniż fuq pajjiżna fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Kien f’Mejju tal-1956, meta r-Rialto kien reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għal ħafna avvenimenti ta’ divertiment u wiri ta’ films tal-mument.
Dwar suġġerimenti li għaddew persuni minħabba l-attività, li dan se joħloq, il-Perit Joseph Bondin assenjat fuq il-proġett spjega n-numru ta’ proċeduri li se jiżguraw li r-residenti fil-madwar ma jkollhom l-ebda inkonvenjenti.
“Ipprovajna nimmitigaw kemm jista’ jkun jekk ikun hemm xi ħsejjes, fosthom, pereżempju, li nużaw ħġieġ li hu b’sound absorbtion material, nużaw soqfa li huma wkoll hekk. Għaldaqstant naħseb li rnexxielna naslu u żgur il-poplu inġenerali ta’ Bormla u tat-Tlett Ibliet se jkunu kuntenti b’dan il-proġett li se jsir.”
Joseph Bondin – Perit