Donald Trump hedded li se jimpona aktar tariffi u sanzjonijiet fuq ir-Russja jekk Vladimir Putin ma jtemmx il-gwerra fl-Ukrajna.
F’kitba fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali tiegħu ‘Truth Social’ Trump qal li permezz tal-pressjoni li qed jagħmel biex tintemm il-gwerra kien qed jagħmel favur kbir lir-Russja u l-President Putin.
Matul il-kampanja presidenzjali, Trump kien iddikjara li f’ġurnata waħda kien jinnegozja t-tmiem tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna li kienet bdiet fi Frar 2022.
Ir-Russja għadha ma rrispondietx għal dawn ir-rimarki, iżda uffiċjali għolja qalu li fl-aħħar jiem kien jidher li hemm xaqq ta’ dawl li Moska tista’ tibda negozjati mal-amministrazzjoni ġdida Amerikana.