Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri nnota kif ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, jisħaq kif il-Gvern irnexxielu jrażżan l-inflazzjoni għal madwar 2%, waħda mill-aktar rati baxxi fl-Ewropa, li jfisser aktar serħan il-moħħ u stabbiltà għall-familji u n-negozji, mingħajr ma tnaqqas l-impenn għal ekonomija aktar b’saħħitha.
Il-Ministru rrimarka wkoll it-tifħir tal-IMF għall-bidu tal-proċess biex tiġi żviluppata l-Viżjoni Malta 2050 favur prosperità ġdida għal pajjiżna.
Hu qal li, “filwaqt li oħrajn jitkellmu, aħna nwettqu. Malta tibqa’ fost l-ogħla rati ta’ tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, immexxija minn investimenti strateġiċi, innovazzjoni u politika li dejjem tpoġġi lin-nies fuq quddiem nett. Imma ma nistgħux nieqfu hawn. Hekk kif l-ekonomija globali tkompli tinbidel, Malta qed tieħu rwol ewlieni fir-rivoluzzjoni diġitali. Bl-investimenti tagħna qed npoġġu l-pedamenti għal era ġdida ta’ innovazzjoni, opportunitajiet u prosperità.”
Temm jgħid li din hi t-tip ta’ tmexxija li tistħoqq lil Malta – li tagħti r-riżultati u s-setgħa lill-poplu, waqt li tiżgura li l-pajjiż jibqa’ jiddi bħala xempju ta’ stabbiltà u ambizzjoni fl-Ewropa.