Matul dawn il-jiem intemm it-tielet turnew ta’ kwalifikazzjoni għat-tazza tan-nazzjonijiet 2025 hekk kif ħames plejers rebħu l-kategorija rispettiva tagħhom fil-finali li saru fil-Każin tal-Banda Anici f’Ħal Qormi.
Glenn Axiaq rebaħ il-finali tal-irġiel li kienet tassew missielta wara li għeleb lil Wayne Pace 10-9. Sadanittant, il-finali ta’ taħt it-23 sena ntrebħet minn Chaylon Castaldi li għeleb lil Liam Mifsud 9-6.
Fil-kategoriji tal-iktar plejers ta’ esperjenza fil-kategorija 40 +, Shawn Galea iddomina għal kollox il-konfront kontra Joseph Tabone sabiex rebaħ 10-1 filwaqt li fil-finali tal-Masters ta’ ‘l fuq minn 50 sena, Jason Mangion kellu rebħa diffiċli ta’ 10-9 kontra Marco Bonello.
Finalment, fil-finali tal-Juniors, Denzel Falzon għeleb lil Dielyn Edwards 9-6.
Ir-rebbieħa kollha ta’ dawn il-kategoriji kisbu post fit-tim nazzjonali Malti li se jikkompeti fit-tazza tan-nazzjonijiet matul din is-sena.