Fl-aħħar tlett ijiem, tneħħew mit-toroq Maltin u Għawdxin, 500 karozza oħra tal-Y-plate, li ma kinux konformi mar-regolamenti lokali.
Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Ministeru għat-Trasport mal-gazzetta t-Times, li rrapportat kif żewġ operaturi li joffru dan is-servizz kienu twaqqfu wkoll.
Il-Ministru responsabbli mit-trasport, Chris Bonett, qal li, mill-bidu ta’ din is-sena, kien hemm 1,400 karozza tal-Y-plates li ma kinux konformi mal-liġijiet u spiċċaw tneħħew mit-toroq minn Transport Malta.
B’dan ifisser li 30% tal-vetturi Y-plates li kien hawn f’pajjiżna s-sena l-oħra twaqqfu.
Dawn il-karozzi tneħħew waqt spezzjonijiet kontinwi li qed isiru mill-uffiċjali ta’ Transport Malta.
ONE News tkellem mal-Ministru Bonett dwar din l-aħbar, li enfasizza kif kulħadd irid jirrispetta l-liġi.
“Min rajna li mhux jimxi ma’ dawn ir-regolarmenti jew m’għandux il-garaxxijiet neċessarji biex jitfa’ dawn il-karozzi tiegħu bil-lejl, irrevokajna, imxejna, bdejna nieħdu dawn il-karozzi. Uħud minnhom bdejna nwaqqfuhom, uħud minnhom baqgħu jaħdmu xorta, għamilna l-inforzar fuqhom u anke ħadnilhom il-vetturi tagħhom. Elf u erba’ mija mill-bidu tas-sena, 500 fl-aħħar tlett ijiem biss. Ovvjament, nixtieq li dan in-numru jonqos, għax dak ifisser li kulħadd jimxi mal-liġi. Is-servizz hu importanti, però rridu ngħaddu messaġġ ċar, li f’dan il-pajjiż jew timxi mal-liġijiet jew inkella ħa nieħdu passi.”
Il-Ministru Chris Bonett
Il-Ministru qal dawn l-ispezzjonijiet se jibqgħu għaddejjin anke fiż-żmien li ġej, waqt li rringrazzja lil dawk l-operati li qed jimxu b’responsabbiltà u huma konformi mal-liġijiet.