Ħamsin rekluta ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, wara li temmew il-kors ta’ taħriġ. Terz mill-membri l-ġodda huma nisa.
It-taħriġ fiżiku u akkademiku, li dam seba’ xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati.
Il-kors li għamlu hu akkreditat fil-livell MQF4 mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.
Il-Kuntistabbli Naomi Cini, li wkoll ingħatat l-unur PC Mark Farrugia bħala r-rekluta l-aktar li ddistingwiet ruħha fil-kors, qalet kif ix-xewqa tagħha saret realtà.
“Minn ta’ età żgħira kien jidher li hu xogħol ta’ sodisfazzjon, minn dejjem kelli s-sapport tal-familja u l-ħbieb, jiġifieri kelli familjari li allura kelli aktar determinazzjoni biex nidħol. Għandu ħafna sfidi però joħroġ ħafna sodisfazzjon minnu. Qed naħdem mal-komunità naħseb li tista’ tagħmel ħafna differenza fil-ħajja tan-nies.”
Kuntistabli Ġdoda, Naomi Cini
F’diskors waqt iċ-ċerimonja, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà rrimarka kif terz tal-pulizija li daħlu ġodda huma nisa u dan hu persentaġġ akbar mill-ammont li hemm iservu bħalissa fil-Korp u dan jikkonferma li l-Korp qed jattira iżjed nisa.
Qal li anke l-ewwel tliet postijiet fl-ordni tal-mertu kienu nisa.
“Dan jawgura tajjeb għal waħda mil-miri li għandu l-Korp tal-Pulizija li jkompli jsaħħaħ id-diversità fi ħdanu. Din hi waħda mill-għanijiet li għandha l-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni li għandu l-Korp li issa dieħla fil-ħames snin tagħha.”
Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa’
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li, hekk kif is-soċjetà tagħna tinbidel, il-Korp tal-Pulizija jeħtieġ jinbidel ukoll biex mhux biss jirrifletti s-soċjetà, iżda wkoll jaddatta ma’ tendenzi ġodda fil-kriminalità.
“50 persuna li f’għajnejhom stajt nara r-rieda tal-komunità Maltija u Għawdxija. Innotajt li indirizzat il-bqija ta’ sħabhom u l-membri tal-familja tagħhom, li illum hemm iktar focus biex jaħdmu id f’id mal-komunità. Dik hi bidla fil-mentalità li ġibna fl-aħħar snin fil-Korp tal-Pulizija.”
Il-Ministru Byron Camilleri