Fil-Parlament ġiet diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar ir-regolamenti ġodda proposti mill-Gvern għall-cat feeders. Regolamenti li, għall-ewwel darba fl-istorja, jirrikonoxxu formalment u jagħtu titlu lil dawk li jiddedikaw ħinhom biex jitimgħu l-qtates tat-triq, waqt li jiżguraw li jkun hemm sistema ta’ għajnuna organizzata u trasparenti.
F’dak li ġie ppreżentat mill-Kelliema Nazzjonalista Janice Chetcuti jidher ovvju li sar kollox bla ebda studju u jikkonferma kemm l-Oppożizzjoni hi maqtugħa mir-realtajiet fis-settur.
Fost l-oħrajn, l-Oppożizzjoni opponiet għar-regolamenti u pproponiet distinzjoni bejn feeders regolari u oħrajn li mhumiex.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif dawn ir-regolamenti se jaraw li l-kunsilli jkollhom reġistru aġġornat tal-cat feeders, iż-żoni fejn isir it-tmigħ u l-kolonji tal-qtates.
Jirriżulta li, sal-lum, aktar minn 2,000 cat feeder ġew irreġistrati u qed jibbenefikaw minn skemi ta’ għajnuna diretta, inkluż €350,000 f’cat vouchers li tqassmu. Dan kollu qed isir flimkien ma’ investiment ieħor f’tiswija tal-qtates u l-ftuħ ta’ żewġ catteries fl-Għammieri ta’ aktar minn 200 qattus.
Bugeja Said qalet kif il-Partit Nazzjonalista jrid joħloq inċertezzi legali bla bżonn, xi ħaġa li ma tirriflettix ir-realtajiet u l-ħtiġijiet tal-annimali, waqt li l-liġi attwali tibqa’ waħda ċara, fejn kull min jieħu ħsieb il-qtates għandu jirreġistra u jirrispetta l-obbligi tiegħu.
Il-Kelliema Nazzjonalista għall-Ħarsien tal-Annimali, Janice Chetcuti, ukoll ipproponiet tibdil għar-regolamenti l-ġodda relatati mat-tagħmir tal-klieb, li wkoll saru wara konsultazzjoni wiesgħa, fejn l-Oppożizzjoni kienet assenti.
Hawn il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal kif fil-konsultazzjoni kienet saret enfasi partikolari fuq dawn ir-regolamenti biex tiġi indirizzata l-problema tal-abbandun tal-klieb, speċjalment dawk tar-razez bully, li 80% tal-klieb li jinġabru mit-toroq huma proprju dawn.
Stqarr li l-Oppożizzjoni qed tikkontradixxi lilha nfisha billi titlob li l-liġi tiġi revokata, flok toħroġ b’soluzzjonijiet konkreti.
Il-Ministru semma kif din il-liġi se tnaqqas it-tbatija u s-solitudni ta’ dawn il-klieb, li s-sena l-oħra biss kien hemm medja fil-ġimgħa ta’ għaxart iklieb li nġabru mill-Animal Welfare.