Ħaddiema ta’ salvataġġ u pumpiera llum komplew bil-ħidma ta’ tfittxija fil-binja li nħakmet min-nirien wara li appartament ta’ tliet sulari t-Tlieta filgħaxija sploda minħabba ħruġ kbir ta’ gas metanu.
Fortunament ma nstabet l-ebda persuna mejta filwaqt li 14-il ruħ kienu feruti u ttieħdu l-isptar fosthom erba’ pumpiera li kienu feruti waqt li kienu qed iwettqu ħidma biex jiġi kkontrollat il-ħruġ tal-gas.
L-isplużjoni seħħet f’xi s-7:00 ta’ filgħaxija t-Tlieta fiż-żona ta’ San Giovanni Galermo f’Katanja. Fost il-feruti kien hemm ukoll tliet ħaddiema mill-aġenzija tal-gas li kienu msejħa fuq il-post wara nofsinhar minħabba l-ħruġ tal-gas u li sfaw midruba kif seħħet l-isplużjoni.