Il-każ tal-Prinċep Harry kontra l-pubblikaturi tal-ġurnal ‘The Sun’, ġie deċiż barra l-qorti hekk kif Robert Murdoch, sid il-ġurnal, offra apoloġija sħiħa u ċara lid-Duka ta’ Sussex.
Il-każ kontra News Group Newspapers (NGN) beda jinstema’ t-Tlieta fil-Qorti Għolja ta’ Londra mingħajr il-preżenza tal-Prinċep iżda negozjati fl-aħħar minuta ġabu fi tmiem din il-battalja legali li ilha għaddejja minn Mejju 2023.
Il-Prinċep Harry kien fetaħ każ kontra l-NGN hekk kif sostna li kienu invadew il-ħajja privata tiegħu meta allegatament kienu itteppjawlu t-telefown u inġabret informazzjoni illegali minn ġurnalisti u investigaturi privati imqabbda minn ‘The Sun’ u ‘News of the World’ bejn l-1996 u l-2011.
L-Erbgħa filgħodu NGN qablu li jħallsu danni sostanzjali kif ukoll ħarġu apoloġija lil Harry li inqrat mill-avukat tiegħu David Sherborne li fiha bażikament ammettew li kienu indaħlu fil-ħajja privata tiegħu u li kienu għamlu dak li kien qed jakkużahom bih. Barra l-intrużjoni fil-ħajja privata tiegħu huma wkoll talbuh skuża tal-impatt li kellha fuqu l-intrużjoni fil-ħajja privata ta’ ommu l-Prinċipessa Diana.