L-aħbarijiet internazzjonali jibqgħu jiffukaw fuq l-Istati Uniti hekk kif Donald Trump eżatt minn wara l-ġurament tiegħu nhar it-Tnejn qed jattwa l-wegħdiet elettorali tiegħu.
Hekk kif daħal fil-White House beda mill-ewwel jiffirma serje bla preċedent ta’ ordnijiet eżekuttivi li ħafna minnhom qed iqallbu s-sistemi ta’ taħt fuq u jħallu impatt fuq il-klima, l-immigrazzjoni u t-teknoloġija fost oħrajn.
Fl-aħħar aħbarijiet il-President iltaqa’ mal-kapijiet tal-Kungress Repubblikani u ħabbar investiment ta’ ħames mitt biljun dollaru fl-infrastruttura tal-Intelliġenza artifiċjali fl-Istati Uniti.
Hekk kif waħda mill-ordnijiet eżekuttivi kienet dik li waqqfet il-programm ta’ diversità, ugwaljanza u inklużjoni fid-dipartimenti federali, l-impjegati kollha li jaqgħu taħt din il-kategorija ġew impoġġija fuq leave amministrattiv b’effett immedjat.
Sadanittant 24 stat u bliet Demokratiċi qed ifittxu bil-qorti d-deċiżjoni ta’ Trump li jwaqqaf iċ-ċittadinanza awtomatika ta’ ulied immigranti mwielda fl-Istati Uniti.
Fl-ewwel mid-direttivi tiegħu Trump iddikjara emerġenza nazzjonali fuq il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti u qal li kien se jippermetti lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni federali sabiex jarrestaw u jieħdu azzjonijiet fi knejjes u skejjel.
Miżura oħra li ma niżlitx tajjeb anke ma’ ċerti Senaturi Repubblikani hija l-maħfra li ta lil dawk kollha li kienu nstabu ħatja waqt l-irvellijiet tal-Capitol inkluż il-kap tal-Oath Keepers Stewart Rhodes.