Fil-Mellieħa għaddej xogħol ta’ tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fejn se jkunu qegħdin jiżdiedu man-network xejn inqas minn erba’ kilometri ta’ cables ġodda.
Dan ix-xogħol, b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta, qed isir bħala parti mill-impenn tal-Enemalta li tqiegħed 60 kilometru oħra ta’ cables ġodda taħt l-art biex il-pajjiż ikollu infrastruttura b’saħħitha.
Il-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, tenniet li, permezz ta’ dawn il-cables, se tiżdied il-konnettività f’din il-lokalità fit-Tramuntana tal-pajjiż biex tkompli tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibilità fin-network tal-elettriku f’21 lokalità.
“Fil-fatt, flimkien ma’ tnejn u tmenin kilometru ta’ xogħlijiet ta’ cables li saru fix-xhur li għaddew, se jingħaqdu magħhom issa l-ħidma fuq sittin kilometru ieħor ta’ cables f’21 lokalità madwar il-pajjiż biex naraw li jkollna sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku iktar b’saħħitha.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Ryan Fava, spjega li, matul is-sena li għaddiet, ikkumissjonaw 54 substation ġdida u sar xogħol ta’ tisħiħ f’76 substation oħra.
“Ngħaddu cable ta’ 33 kilovolt bejn żewġ distribution centres kif ukoll fl-area tal-Mellieħa qed ngħaddu mal-medda ta’ żewġ kilometri ta’ 11-kilovolt cables biex insaħħu l-area tal-Mellieħa u l-madwar tagħha.”
Ryan Fava, Chairman Eżekuttive, Enemalta
Dan it-tisħiħ qabeż sew l-miri li Enemalta kellha għall-2024 hekk kif, s’issa, 166 feeder ġew konnessi man-network f’diversi lokalitajiet u nbidlu wkoll 47 kilometru ta’ linji fit-toroq.
