L-istorja hi ħajjitna. Dan kien il-ħsieb ta’ mitejn student li, flok qattgħu l-ġurnata fuq il-bank tal-iskola, kellhom iċ-ċans li jitgħallmu dwar l-istorja ta’ pajjiżna u lil hinn b’mod kemmxejn differenti.
F’post li wkoll hu assoċjat ma’ xi ħaġa kompletament differenti, il-Malta Business Registry.
ONE News tkellem ma’ diversi minn dawn studenti, li bħalissa jinsabu fit-Tmin Sena edukattiva tagħhom u minn hawn u ftit ieħor se jkollhom anke jiddeċiedu x’suġġetti jixtiequ jkomplu jistudjaw fuqhom.
Fi sfond ta’ diversi attivitajiet, li juru perjodi differenti tal-ħajja fi żminijiet antiki, fosthom sparar bil-qaws, iċ-ċuqlajta, filmati bil-Virtual Reality u saħansitra esebizzjoni ta’ numru ta’ għasafar, l-istudenti, b’daħqa fuq wiċċchom, qalulna fiex kienet tikkonsisti l-ġurnata.
Yosanne Vella, President tal-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Istorja, li ħarġu bl-idea ta’ din l-attività, sostniet li s-suġġett tal-istorja hu affaxxinanti fih innifsu, fis-sens li jolqot kull faxxa tas-soċjetà.
“Tiskanta l-kbar jgħiduli kemm xtaqt għażiltu, għax il-kbar iħobbuh ħafna l-history, allura riedna nneħħu dik l-idea li l-history hu ħafna noti u studju bl-amment, mhu veru xejn. It’s life, il-ħajja.”
Yosanne Vella , President, Assoċjazzjoni Għalliema Tal-istorja
Hawnhekk l-istudenti tennew ukoll li din kienet opportunità li qatt ma esperjenzaw qabel u dan is-suġġett iqanqal ċerti kurzitajiet.
Il-Kap Eżekuttiv u Reġistratur tal-Malta Business Registry, Dr Geraldine Spiteri Lucas, sostniet li, b’ġebla waħda, laqtu żewġ għasafar, għax, bis-saħħa ta’ dan, it-tfal kisbu aktar għarfien dwar x’toffri din l-entità nazzjonali.
“Ninvolvu aktar lit-tfal biex isiru jafu min hi l-MBR. Is-suġġett ukoll, mhuwiex is-suġġett tal-MBR, għax aħna ffokati fuq il-businesses. Però hu tajjeb ħafna li din il-ġenerazzjoni tkun taf l-għeruq tagħha.”
Geraldine Spiteri Lucas , Kap Eżekuttiv, Malta Business Registry