Marcus Slaine Azzopard, żagħżugħ ta’ 26 sena inżamm arrestat wara li allegatement kkaġuna ġrieħi gravi lil raġel ta’ 64 sena b’daqqa ta’ ponn u sikkina għax ma tahx il-flus.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija quddiem il-Knisja tal-Kunċizzjoni tal-Ħamrun, meta r-raġel ħareġ bil-kelb tiegħu kif jagħmel ta’ kuljum u l-akkużat mar fuqu u talbu l-flus.
Intqal li meta li meta l-allegat vittma qallu li ma kellux flus fuqu ż-żagħżugħ allegatament beda jagħtih bil-ponn u waqt li kien mal-art tah bis-sikkina, tnejn f’dahru u waħda f’għonqu.
L-anzjan ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn instab li kien sofra ġrieħi gravi waqt li l-Pulizija bdiet tfittxija għall-akkużat sakemm ġie arrestat.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, id-Difiża ma talbietx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk l-akkużat baqa’ jinżamm arrestat.