Fi tweġiba li tat is-Soċjetà Mużikali San Pawl, qalet kif tinsab diżappuntata ferm għall-fatt li, għall-ewwel darba, kemm ilu jeżisti l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Sindku aġixxa b’mod skorrett fil-konfront tagħha.
Is-soċjetà rreaġixxiet għall-aġir irresponsabbli tas-Sindku Nazzjonalista Ċensu Galea, li żgwida lill-Kunsill dwar korrispondenza magħha.
Is-soċjetà tenniet li, tul it-30 sena li għaddew, dejjem kienet ta’ spalla għal kull kunsill, bħala NGO, irrispettivament min kienet il-persuna li mexxietu u għaldaqstant aġir simili qatt ma kien mistenni.
Rigward il-każ inkwistjoni, is-Soċjetà Mużikali San Pawl ċaħdet bil-qawwa li hi qatt ġiet informata b’xi avviż uffiċjali, fejn anke minkejja li għaddew jiem sħaħ, il-kunsill naqas milli jipprovdi kopja ta’ l-avviż li, skont is-Sindku, kien intbagħatilha.
L-għaqda mhux governattiva wkoll qalet kif t-tender għaż-żamma tal-latrini pubbliċi ilu xhur sħaħ li skada u, minkejja dan, hi baqgħet toffri s-servizzi tagħha, minkejja diffikultajiet kbar, bi prezzijiet li kienu miftehmin ħames snin ilu.
Tenniet li xejn ma kien hemm xi jżomm lis-soċjetà milli tieqaf toffri s-servizzi wara li ntemm il-kuntratt, bħalma ddeċieda li jagħmel is-Sindku Ċensu Galea bl-appoġġ tal-maġġoranza tal-kunsillieri meta għalqu latrina pubblika fi Triq il-Markiża Bugeja li ftit jew wisq kienet qed tkun ta’ servizz għal bosta anzjani u residenti li jkunu fl-inħawi.
Rigward it-tiżjin fit-toroq tal-Milied, li wkoll tqajjem fil-laqgħa tal-Kunsill il-ġimgħa l-oħra, is-Soċjetà Mużikali San Pawl ukoll semmiet kif Ċensu Galea uża kejl differenti magħha.
Dan wara li triq partikolari spiċċat mhux imżejna kollha bħas-snin ta’ qabel, bir-raġuni tkun li l-kunsill ma pprovdix it-toqob meħtieġa fil-bankini biex il-kuntrattur seta’ jpoġġi l-arbli għad-dwal. Hawn l-għaqda wriet id-diżappunt tagħha li, dwar dan, is-Sindku Nazzjonalista wkoll kien skorrett meta qal li l-pagament kien mibgħut kollu.
Aqra aktar: