Ftit sigħat qabel ħalla l-White House, il-President uxxenti Joe Biden ta l-maħfra Presidenzjali preventiva lil tliet uffiċjali li ħadmu fis-servizz pubbliku Amerikan biex jiġu protetti minn kull prosekuzzjoni jew ritaljazzjoni mill-amministrazzjoni l-ġdida ta’ Donald Trump.
Tul il-kampanja Presidenzjali tiegħu, Trump ripetutament indika lil Mark A. Milley, Anthony S. Fauci u Liz Cheney, waqt li qal li dawn għandhom jiġu investigati minħabba li, fl-amministrazzjoni preċedenti tiegħu, allegatament ħadmu kontrih u kontra t-tmexxija tiegħu.
Milley, li serva f’kariga għolja fid-Dipartiment tad-Difiża Amerikan, għajjar lil Trump bħala Faxxist fl-irvellijiet ta’ Capitol Hill, waqt li Cheney kienet talbet l-investigazzjonijiet dwaru minħabba l-istess attakki vjolenti mill-partitarji tiegħu.
Huma akkużaw lil Trump li kien hu li xewwex lill-folla minħabba r-riżultat tal-elezzjoni fl-2020.
Fauci, wieħed mill-uċuh inkarigati fit-tmexxija tal-pandemija tal-COVID-19, kien ikkontradixxa lil Trump f’diversi deċiżjonijiet li ttieħdu għall-ġid tal-pajjiż bil-President dak iż-żmien jirritalja u jirreferi għalih bħala diżastru.
Dan l-eżerċizzju tal-maħfriet Presidenzjali preventivi twettaq, anke jekk dawn l-uffiċjali għadhom mhumiex akkużati b’xi ħaġa, iżda kien maħsub bħala imminenti li jiġu akkużati mill-President elett Donald Trump u l-amministrazzjoni tiegħu fiż-żmien li ġej.
Biden innifsu qal, li dawn iċ-ċirkostanzi huma eċċezzjoni u mhux in-norma. Tenna li hu fid-dover li jeżerċita dan il-poter fil-konfront ta’ Milley, Fauci u Cheney, għax m’għamlu xejn ħażin, ħlief li taw servizz lil pajjiżhom bħala parti mis-servizz pubbliku u ma ħallew lill-ebda intimidazzjoni minn Trump taffettwahom fid-deċiżjonijiet.