Is-sena l-oħra ġie rreġistrat numru rekord ta’ passiġġieri li żaru lil pajjiżna permezz tal-cruiseliners, fejn saħansitra qabżu n-numri tal-2019, qabel il-pandemija.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlu fil-Valletta Cruise Port id-Deputat Prim Ministru Ian Borg u l-Ministru għat-Trasport Chris Bonett.
Fl-2024, ġie rreġistrat moviment ta’ aktar minn 940,000 passiġġier. Dan ifisser żieda ta’ 4%, meta mqabbel ma’ ħames snin qabel. Fl-aħħar 12-il xahar, il-Port il-Kbir irċieva 357 sejħa minn cruiseliners.
Din l-industrija tal-cruises hi kontributur ewlieni għal diversi setturi tal-ekonomija lokali, fejn hu stmat li dawn il-vapuri tal-passiġġieri li jidħlu fil-Port il-Kbir jikkontribwixxu għal madwar €88 miljun kull sena fl-ekonomija ta’ pajjiżna, bi €38 miljun f’infiq mill-passiġġieri meta jkunu hawn u €50 miljun oħra mill-kumpaniji tal-vapuri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, tkellem dwar ir-riżultat rekord li kiseb dan is-settur.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg spjega li l-Gvern hu determinat li jkompli jappoġġja lil dan is-settur, filwaqt li jtejjeb l-esperjenza tal-passiġġieri tal-cruises waqt iż-żjara qasira tagħhom fil-gżejjer Maltin.
“Kellna rekord ta’ passiġġieri li żaruna, iżda wkoll hemm numru tajjeb ta’ dawk li jerġgħu jżuruna mbagħad bħala turisti u dan hu l-punt importanti lil hinn minn dak li jħallu dirett fl-ekonomija tagħna.”
Ian Borġ, Depitat Prim Ministru
Il-Ministru Bonett faħħar l-investiment riċenti li qed iwassal għal operat aktar sostenibbli permezz tas-sistema tax-shore-to-ship. B’dan il-proġett mistenni li jnaqqas it-tniġġis b’90% sal-2030.
“Warajna hemm ix-Xatt ta’ Pinto, l-estensjoni ta’ Pinto Numru 4 u 5 għaddejja. Qed naraw li jkollna moll mill-aħjar biex norbtu bastimenti differenti u anke nkomplu b’Lascaris biex inkomplu x-xatt tal-Belt u l-Marsa, inġibuh ideali għall-isbaħ entratura, dik tal-Port il-Kbir.”
Chris Bonett, Ministru