Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sostna li r-riżultat elettorali, li kiseb il-Partit tiegħu fl-aħħar Elezzjoni għall-Kunsilli Lokali, f’Ġunju li għadda, kien l-aqwa wieħed anke meta wieħed jara r-riżultati fi żmien meta l-Partit tiegħu kien fil-Gvern.
Fil-verità, dan mhux minnu, kif tixhed analiżi tar-riżultati fis-snin imsemmija minnu. Fil-fatt, is-sena l-oħra, il-Partit Nazzjonalista kiseb 44.3% tal-voti, inqas mill-44.6% fl-istess elezzjonijiet għaxar snin qabel, fl-2014.
Meta kien fil-Gvern, qabel l-2013, il-Partit Nazzjonalista wkoll ġieli kiseb riżultati ferm aħjar. Pereżempju, fl-2008, kien kiseb 46% tal-voti, waqt li fl-2003 kellu 48% favurih, waqt li l-aqwa riżultat ikun dak ta’ 49% fis-sena 2000.
Waqt li ġie intervistat fuq il-podcast ta’ Ricky Caruana fl-aħħar jiem, Grech sostna wkoll li, sena ilu, il-PN żied kunsillier kważi f’kull lokalità u, f’ħafna każi, żied anke tnejn.
Minkejja dan, ir-realtà hi li, minn 68 lokalità, il-PN ma żiedx kunsillieri f’40 minnhom u saħansitra naqqas f’ħames lokalitajiet oħrajn, mhux l-inqas f’Bormla, fejn lanqas eleġġa mqar wieħed wara li rema l-aħjar kandidat li kellu biex spiċċa bla ebda rappreżentant.
“Żidna tista’ tgħid kunsillier kważi f’kull lokalità u, f’xi lokalitajiet, żidna anke tnejn. Dan kollu sar taħt it-tmexxija tiegħi.”
Bernard Grech, Kap tal-PN
Wara li għamel snin twal jiftaħar bir-rekord ta’ Gvernijiet ta’ qabel l-2013, issa fuq dan il-podcast, Grech spiċċa jiddissassoċja ruħu b’mod kategoriku minn dak li għamlu l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Tant li mhux biss qabel ma’ Ricky Caruana, li hu ma kellux x’jaqsam mat-tmexxija diżastruża Nazzjonalista ta’ bejn l-2013 u l-2020, iżda lanqas ma’ dak kollu li sar qabel inbidel il-Gvern fl-2013.
RICKY CARUANA: “Ejja ninsew il-perjodu ta’ bejn it-2013 u t-2020, għax inti ma kellek x’taqsam xejn, so mhux fair fuqek, tajjeb?! U inutli noqgħod ngħid id-diżastri li kienu qegħdin jagħmlu, imbagħad, dħalt int fil-logħba.”
BERNARD GRECH: “Anke ta’ qabel. Anke qabel it-13 ma’ kelli x’naqsam xejn.”